Din l-ewwel laqgħa bejn il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Arġentina u l-KESE, organizzata mis-Sezzjoni REX, tmexxiet minn Christa Schweng, il-President tal-KESE, u Gustavo Beliz, il-President tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Arġentina.

Fil-kummenti tal-ftuħ tiegħu, il-President tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Arġentina, Gustavo Beliz, ġabar fil-qosor l-ewwel mitt jum tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali li għadu kif ġie stabbilit u qal:

“Fil-kunsill tagħna, inlaqqgħu flimkien nies b’fehmiet differenti ħafna, inklużi fehmiet ideoloġiċi differenti ferm, esperjenzi tal-ħajja tassew diversi u firxa wiesgħa ta’ sfondi soċjali. Din id-diversità hija l-akbar assi tal-kunsill. F’dawn l-ewwel mitt jum, urejna rispett kbir u impenjajna ruħna bis-sħiħ fil-ħidma tagħna. Nixtiequ nkomplu f’dan l-ispirtu flimkien mal-KESE, u għalhekk ninsabu verament kuntenti li għandna din l-opportunità.”

Christa Schweng, il-President tal-KESE, ferħet lill-Arġentina għat-twaqqif ta’ istituzzjoni li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu l-fehmiet tagħhom u jressqu proposti ta’ politika. “Ninsabu kuntenti ferm dwar il-fatt li l-Arġentina waqqfet kunsill ekonomiku u soċjali li se jiffoka fuq kwistjonijiet ewlenin bħall-inklużjoni soċjali, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, ix-xogħol, id-demokrazija innovattiva u s-sigurtà tal-ikel. L-Arġentina hija pajjiż li miegħu nikkondividu ħafna valuri u interessi, inkluż il-fehim tal-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.”

’Il fuq minn 90 membru miż-żewġ partijiet, li jirrappreżentaw diversi setturi, attendew il-laqgħa u pparteċipaw f’diskussjoni vivaċi li kopriet firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet u strateġiji. Id-dibattitu ffoka fuq il-prijoritajiet għall-irkupru wara l-COVID-19, il-Patt Ekoloġiku tal-UE, l-edukazzjoni u l-impjiegi tal-ġejjieni u fuq l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fuq is-suq tax-xogħol.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet enfasizzaw l-importanza tal-kunsilli għall-bini ta’ kunsens u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq id-demokrazija parteċipattiva ħalli b’hekk jiġu indirizzati l-problemi tas-soċjetà. (at)