Strateġija ta’ finanzjament li tiffunzjona sew hija fundamentali biex jinġabru l-fondi meħtieġa għall-irkupru tal-Unjoni Ewropea fis-swieq kapitali internazzjonali. Fl-Opinjoni tiegħu, mfassla mir-relatur Judith Vorbach u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-Kumitat enfasizza li l-implimentazzjoni bla xkiel ta’ NextGenerationEU teħtieġ finanzjament sod u sostenibbli, flimkien ma’ ġestjoni tar-riskju solida u spejjeż tas-self baxxi.

Is-Sinjura Vorbach tkellmet waqt id-dibattitu u sostniet li: “Is-self fl-ambitu ta’ NextGenerationEU għandu jkun ibbażata fuq il-kontroll demokratiku, il-leġittimità u t-trasparenza. Strateġija ta’ finanzjament effettiva li tkun magħmulha minn finanzjament stabbli u sostenibbli, ġestjoni tar-riskju soda kif ukoll affidabbiltà kreditizja għolja u spejjeż tas-self baxxi, hija fl-interess pubbliku, u speċjalment fl-interess tas-soċjetà ċivili li fl-aħħar mill-aħħar iġġorr ir-riskji tas-suq”.

Skont il-KESE, l-għażla tal-Kummissjoni Ewropea li ssaħħaħ il-kompetenzi tagħha u r-riżorsi umani sabiex tiġġestixxi l-finanzjament ta’ NextGenerationEU hija aħbar tajba. Minħabba l-interess pubbliku qawwi fil-finanzjament sod, huwa importanti li l-istrateġija tiġi ġestita direttament mill-Kummissjoni u ma tiġix esternalizzata. Il-KESE jappella għal bilanċ bejn il-ġeneri fil-ħatra tal-persunal li se jkun responsabbli għal dan il-kompitu.

Il-Kumitat jappella wkoll għall-istabbiliment ta’ bord konsultattiv, li fih ikunu rappreżentati l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. (mp)