Minn Heiko Willems, membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Is-semikondutturi huma komponent essenzjali ta’ ħafna setturi ekonomiċi u oqsma tal-ħajja differenti – kemm għall-industrija kif ukoll għall-konsumaturi. Barra minn hekk, il-miri tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali ma jistgħux jintlaħqu mingħajr semikondutturi. L-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fit-8 ta’ Frar 2022, għandu jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista, ir-reżiljenza u t-tmexxija teknoloġika tal-UE fit-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tas-semikondutturi.

It-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi jeħtieġ investiment privat u appoġġ sinifikanti mis-settur pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tippjana li tinvesti EUR 43 biljun fis-snin li ġejjin. Madankollu, parti kbira tal-baġit se tiġi riallokata biss minn programmi oħrajn u hija biss madwar terz ta’ dak li ċ-Ċina għandha l-għan li timmobilizza sal-2025. Fl-istess waqt, l-għoti ta’ għajnuna sinifikanti mill-Istat jista’ jwassal għal investimenti li mhumiex kummerċjalment sostenibbli u li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-suq.

L-UE trid tiffoka wkoll fuq il-ħtiġijiet tal-industrija Ewropea. Il-profiċjenza f’elementi ta’ daqs żgħir (< 10 nm) mhijiex l-uniku fattur determinanti fis-suċċess tal-ekosistema tas-semikondutturi. Il-vantaġġi tal-industrija Ewropea tas-semikondutturi jridu jiġu kkunsidrati wkoll.

Il-katina tal-valur tas-semikondutturi hija waħda mill-aktar globalizzati. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ katina tal-valur magħluqa f’kull parti tad-dinja ma jagħmilx sens ekonomiku. Minflok, analiżi dettaljata tal-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi għandha sservi bħala l-punt tat-tluq għal dibattitu dwar kif investimenti mmirati jistgħu jżidu r-reżiljenza tal-Ewropa. B’mod parallel, l-UE għandha ssaħħaħ is-sħubijiet internazzjonali.

Din is-sitwazzjoni trid titqies ukoll fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza previsti, li huma estensivi ħafna. Il-prijoritizzazzjoni tal-ordnijiet għal setturi kritiċi, skemi ta’ xiri komuni u kontrolli fuq l-esportazzjoni huma interventi estensivi tas-suq li jridu jkunu riżervati għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

Fil-Plenarja tiegħu ta’ Ġunju, il-KESE ser jiddiskuti l-Opinjoni L-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep (INT/984).