Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tħejjija tal-baġit tal-UE

Il-baġits mhumiex newtrali. Dawn jistgħu jkunu indikaturi tal-impenn biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tan-nisa, pereżempju, u biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Għalhekk, il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji tal-KESE ddeċidiet li twettaq analiżi fil-fond tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru. Iżda fil-fatt dwar xiex qed nitkellmu? Qed nitkellmu dwar l-inkorporazzjoni ta’ perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-baġit. Dan ifisser il-promozzjoni tar-responsabbiltà u tat-trasparenza fir-rigward tal-impatti potenzjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tad-deċiżjonijiet dwar l-infiq, filwaqt li jiġu speċifikati l-gruppi fil-mira ta’ benefiċjarji biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni jew l-inugwaljanzi fl-implimentazzjoni ta’ politiki u azzjonijiet differenti. Din il-metodoloġija tagħti fehim aħjar ta’ kif id-dħul u l-infiq fil-politiki ta’ korpi, istituzzjonijiet u gvernijiet differenti jista’ jkollhom impatti differenti fuq in-nisa u l-irġiel. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-użu tar-riżorsi pubbliċi b’mod li jista’ jagħmel il-baġits u l-politiki aktar effiċjenti u effettivi.

L-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa bbażat fuq l-impenn tal-UE għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill appellaw b’mod ripetut lill-Istati Membri biex jintroduċu u jimplimentaw dan l-approċċ. Anke l-Kummissjoni Ewropea tinsab impenjata ħafna fir-rigward ta’ metodoloġija li tippermetti l-valutazzjoni tal-impatt tan-nefqa fuq il-ġeneru fil-baġit kollu tal-UE.

Studju mitlub mill-Kumitat BUDG tal-Parlament Ewropew irrakkomanda li l-PE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill jieħdu azzjoni biex jinkorporaw il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-abbozzar tal-baġit tal-UE. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew uriet l-impenn tiegħu għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru, anke bil-għan li fil-futur jinfluwenza istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

Nemmen li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinsab f’pożizzjoni tajba ħafna biex isegwi din ir-rakkomandazzjoni. Naturalment, il-Parlament Ewropew jista’ juża d-dibattiti baġitarji u d-dibattiti dwar il-kwittanza baġitarja fil-Plenarja biex jappella għal dan l-objettiv. L-inklużjoni tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-baġit, u l-implimentazzjoni tiegħu mill-istituzzjonijiet Ewropej, inevitabbilment se jeħtieġu impenn politiku u azzjoni leġiżlattiva. Se nqisu serjament jekk aħna, bħala istituzzjoni konsultattiva li tirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, nistgħux inkunu parti minn dan il-proċess strateġiku u importanti.

Giulia Barbucci, Viċi President tal-KESE għall-Baġit