L-UE teħtieġ tistabbilixxi objettivi ekonomiċi ambizzjużi biex issaħħaħ l-euro. Dan sar saħansitra aktar importanti minħabba l-pass tal-bidla fl-ekonomija globali u l-pożizzjoni attwali tal-UE f’termini ta’ innovazzjoni, kompetittività u trawwim ta’ ambjent regolatorju li jiffavorixxi l-investiment.

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ġunju, il-KESE laqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza. Peress li t-trasformazzjoni ta’ wara l-pandemija qed tikkawża bidla sinifikanti fil-bilanċ globali tal-poter ekonomiku, l-UE għandha taġixxi malajr biex iżżid ir-reżiljenza ekonomika tal-Ewropa. B’mod partikolari, il-Kumitat jaqbel mal-ħtieġa biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tal-pożizzjoni globali tal-Ewropa.

Tomasz Wróblewski (Grupp I, Grupp ta’ Min Iħaddem) kien relatur għall-Opinjoni tal-KESE. Huwa jaħseb li l-Kummissjoni għandha tiffoka aktar fuq ir-raġunijiet għad-dgħajfien tar-rwol internazzjonali tal-euro. Huwa qal “il-pożizzjoni globali tal-euro qed tiddgħajjef, iżda mhux malajr daqs dik tad-dollaru.” “Dan ma jbiddilx il-fatt li l-pożizzjoni tal-euro hija affettwata minn affarijiet differenti. L-ewwel nett, in-nuqqas ta’ suq komuni integrat għas-servizzi finanzjarji. Mingħajr it-tlestija tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jkun diffiċli għalina li nikkompetu mad-dollaru.”

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tingħata aktar attenzjoni lill-ekonomija taċ-Ċina li qed tikber b’rata mgħaġġla u jappella għal pjan ta’ azzjoni li jqis dan. Ir-rwol tar-renminbi Ċiniż qed jikber fil-kummerċ u l-ikklirjar internazzjonali. Iċ-Ċina qed taħdem ukoll b’mod intensiv fuq il-munita diġitali tagħha, u qed tħalli l-parti l-kbira tad-dinja warajha. L-UE għandha tirreaġixxi malajr u l-KESE jappoġġja l-proposta li jinħoloq euro diġitali. “F’dan id-dominju,” jirrimarka s-Sur Wróblewski, “l-Ewropa jista’ jkollha soluzzjonijiet aktar attraenti, minħabba l-impenn tagħna għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza tal-utent.” (na)