Mingħajr għaqda, kollox jisfaxxa

“Tul ħajti dejjem kont kurjuż dwar id-distakk bejn id-dehra u r-realtà. L-affarijiet qatt mhuma kif jidhru”, Norman Davies.

KESEinfo: L-Ewropa tinsab f’punt deċiżiv, hija u tħejji għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Matul il-bidliet li seħħew b’mod parallel mal-kriżi tal-pandemija, ħarġu ċerti forzi ċentrifugi, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li jistgħu jkunu ta’ sfida għall-integrazzjoni Ewropea. X’għandek xi tgħid dwar dan?

N.D: Bħala storiku, nibda billi niddikjara li aħna dejjem ninsabu f’punt deċiżiv. Dejjem hemm xi ħaġa li tkun qiegħda tinbidel, timxi f’direzzjonijiet differenti milli nkunu ħsibna. Fil-fatt, fost l-isfidi li qed iseħħu fil-Punent tal-Ewropa f’dawn l-aħħar ħames snin, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni kienet l-akbar sfida. U fil-fehma tiegħi, ir-Renju Unit qed jiddiżintegra. Jiena naħseb li dalwaqt mhux se jkun hemm aktar Renju Unit; xi ħaġa oħra se tieħu postu. Fir-rigward tal-Ewropa Ċentrali, ma kellna l-ebda idea li parti sostanzjali tal-popolazzjoni ma kinitx sodisfatta bil-bidliet wara l-1989 u, naturalment, ma kellna l-ebda isem biex jiddefinixxi dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjon. F’dik l-epoka ma konniex smajna bil-populiżmu. Barra minn hekk, ma rrealizzajniex li l-affarijiet li bdew jiġru fil-Polonja kien hemm uħud oħra paralleli f’pajjiżi oħra. Ma kien hemm l-ebda President Trump, l-ebda periklu tal-Brexit f’dak iż-żmien. Issa nafu li konna żbaljati. Dawn ix-xejriet populisti għandhom paralleli f’ħafna pajjiżi. L-Unjoni Ewropea nfisha, u l-istabbiltà internazzjonali b’mod ġenerali, bħalissa qegħdin jiġu kkontestati bil-kbir.

Dwar il-forzi ċentrifugi fi ħdan l-UE, jiena nsostni li dawn il-forzi, li ċertament jeżistu, ma jinsabux biss fl-Ungerija u l-Polonja, iżda jinsabu wkoll fil-qalba taż-żona tal-euro, li qed ibiegħdu lill-pajjiżi aktar sinjuri tal-Ewropa ta’ Fuq lil hinn mill-ekonomiji aktar fraġli tan-Nofsinhar.                                                                                                            

KESEinfo: Qed nitħaddtu dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Fil-fehma tiegħek, x’għandu jkun l-aktar element importanti tal-ħidma tal-UE?

N.D: L-aktar element importanti huwa l-kultura ta’ kooperazzjoni, li hija l-oppost tal-idea antika li n-nazzjonijiet individwali jitħallew isegwu dak li l-Franċiżi kienu jsejħu l’égoisme sacré, l-egoiżmu sagru tal-pajjiżi individwali, li fil-passat kien in-norma. It-Tieni Gwerra Dinjija wriet li d-dritt li pajjiż jaġixxi waħdu, u li jsegwi l-“interessi nazzjonali” tiegħu irrispettivament, kien (u għadu) distruttiv għal kulħadd; il-kultura ta’ kooperazzjoni, għall-kuntrarju tal-egoiżmu nazzjonali, hija l-aktar kisba prezzjuża tal-komunità Ewropea. Huwa pjuttost ċar li wħud mill-gvernijiet u l-gruppi jridu jerġgħu jkomplu jiddefendu l-interessi nazzjonali tagħhom. Iżda ninsab konvint bil-kbir li dawn huma żbaljati. Hemm espressjoni Ingliża qadima li tgħid “jekk ma nimxux flimkien ilkoll f’daqqa, nisfaw fix-xejn separatament”. Dan huwa s-sigriet tas-sopravivenza tal-moviment tal-UE u taż-żmien twil ta’ paċi li gawdejna.

EESC info: Il-President François Mitterrand u l-Kanċillier Helmut Kohl huma magħrufa sew bħala żewġ figuri politiċi ewlenin tal-istorja. Fil-fehma tiegħek, hemm xi pajjiżi simili li jistgħu jieħdu r-riedni f’idejhom fil-ġlieda kontra l-egoiżmu nazzjonali? Min jista’ jkun mexxej fl-UE?

N.D: Le, jien naħseb li t-tmexxija fl-UE kienet dgħajfa, u dan rajnieh tul il-pandemija, li ma ġietx ġestita sew fl-Ewropa. It-tmexxija Franko-Ġermaniża setgħet kienet essenzjali fil-bidu tal-moviment Ewropew 50 sena ilu. Fl-Ewropa ta’ sitt pajjiżi, Franza u l-Ġermanja kienu bil-bosta l-akbar membri – mingħajr ebda offiża lejn l-Italja – u għalhekk kien naturali li Franza u l-Ġermanja, li mexxew il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni wara l-gwerra, kellhom jipprovdu l-ewwel spinta għall-proġett. Iżda dan m’għadux il-każ. Issa hemm 27 membru, u hemm bżonn ta’ koeżjoni akbar. Wieħed jittama li t-tmexxija toħroġ minn sorsi differenti u ma tkunx sempliċement Franko-Ġermaniża. Hemm raġunijiet sodi għal dan:

Franza hija wieħed mill-pajjiżi li huma l-aktar mhedda mill-populiżmu. Marine Le Pen qiegħda tavvanza u s-Sur Macron mhuwiex b’saħħtu ħafna politikament. Huwa improbabbli li Franza se tkun tista’ tieħu r-riedni f’idejha. Bl-istess mod, il-Ġermanja tinsab f’taqlib konsiderevoli minħabba t-tluq ta’ Angela Merkel. L-Ewropa għandha ssib tmexxija effettiva xi mkien ieħor dalwaqt. Jekk ma jsirx dan, il-futur se jkun xena minn programm ta’ diskussjoni aktar milli programm ta’ azzjoni.

KESEinfo: X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivilli fid-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa? Fid-19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew nedew pjattaforma għaċ-ċittadini u talbuhom jibagħtu l-mistoqsijiet tagħhom dwar l-aspettattivi tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa. X’taħseb li għandu jkun ir-rwol taċ-ċittadini f’dan id-dibattitu?

N.D: Ċertament is-soċjetà għandha rwol x’taqdi, madankollu s-soċjetà tiġġenera eluf ta’ fehmiet u ma tista’ qatt tipproduċi azzjoni effettiva waħedha. Is-soċjetà għandha titmexxa minn mexxejja politiċi, li jifhmu l-biżgħat u l-aspirazzjonijiet tan-nies, iżda fin-nuqqas ta’ din it-tmexxija, is-soċjetà taqa’ vittma taċ-ċarlatani u l-estremisti. Huwa ċertament ta’ benefiċċju li jintalbu l-fehmiet taċ-ċittadini; madankollu, il-logħba politika titlob aktar. Is-soċjetà trid tkun ispirata u mmobilizzata minn mexxejja, partiti u movimenti dinamiċi, kif ukoll minn ideat tajbin.

KESEinfo: X’inhi l-fehma tiegħek dwar ir-riżultati possibbli tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa? Hemm xi prospetti għall-progress matul il-Presidenza Franċiża? Tiftakar x’ġara wara l-Konvenzjoni Ewropea 2002-2003 ippreseduta mill-President Giscard d’Estaing, li pproduċiet Kostituzzjoni Ewropea iżda li ġiet irrifjutata minn Franza u n-Netherlands fl-2005?

N.D: Jiena storiku, m’iniex astrologu. Ma nistax ngħid x’se jiġri fil-futur iżda, b’mod ġenerali, il-konferenzi mhumiex korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sakemm ma jkunux konferenzi eżekuttivi bħal Yalta jew Potsdam, li ħadu deċiżjonijiet internazzjonali importanti. Dak li jistgħu jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-konferenzi huwa li jistabbilixxu l-andament, il-klima politika, l-atmosfera, iħeġġu jew jiskoraġġixxu lill-parteċipanti. Nittamaw li konferenza tajba ttejjeb l-atmostfera u tħeġġeġ lill-mexxejja biex jieħdu azzjoni. Madankollu, konferenzi waħedhom rarament jagħmlu dan.

Iva, niftakar sew lis-Sur Giscard d'Estaing. (Huwa minn villaġġ f’Auvergne fejn kelli xi ħbieb tal-qalb.) Iżda, il-falliment tal-Kostituzzjoni tal-UE jista’ jiġi attribwit għall-Konvenzjoni? Kien hemm aktar minn hekk. Xi wħud ma ħejjewx ruħhom sew.

KESEinfo: Fl-1 ta’ Mejju ċċelebrajna s-17-il anniversarju tat-tkabbir tal-UE – 10 Stati Membri li ngħaqdu mal-UE segwiti minn tlieta oħra aktar tard. Sbatax-il sena wara din l-adeżjoni, x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan l-iżvilupp?

N.D: L-akbar tkabbir kellu ħafna aspettattivi għoljin, b’mod partikolari li l-paċi u l-prosperità – li l-Punent tal-Ewropa gawda fit-30-40 sena preċedenti – jiġu estiżi għan-naħa l-oħra tal-kontinent, u f’diversi modi dan seħħ. Huwa wkoll verament diffiċli li wieħed jemmen li xi pajjiżi li vvutaw għat-tkabbir, biex jingħaqdu mal-UE b’appoġġ massiv mill-popolazzjoni, illum għandhom gvernijiet b’konvinzjonijiet kompletament opposti. Ftit qabel tkellimt dwar il-kultura ta’ kooperazzjoni għall-kuntrarju tal-egoiżmu nazzjonali, iżda din il-lezzjoni għadu mhux kulħadd tgħallimha.

KESEinfo: Bħala ċittadin Brittaniku, bħalissa inti qed tgħix f’pajjiż terz. X’inhuma t-tagħlimiet li l-Ewropa tista’ titgħallem minn Brexit?

N.D: Nixtieq li naf. Fil-fehma tiegħi, il-Brexit kien żball terribbli, u probabbilment se jeqred lill-pajjiż li twelidt fih. Madankollu, jiena wkoll ċittadin Pollakk, u marti hija Pollakka. Għandna sieq f’kull naħa. Kif dejjem ngħid lil sħabi Pollakki, is-sitwazzjoni fil-Polonja tista’ tkun ħażina, iżda mhux ta’ theddida daqs dik fil-Gran Brittanja. Il-Polonja mhix se tiddiżintegra fi żmien qasir, iżda r-Renju Unit x’aktarx li se jiddiżintegra. Ftit tal-jiem ilu kelli lekċer online għal udjenza fil-belt ta’ Armagh fl-Irlanda ta’ Fuq; u t-trajettorja hija pjuttost ċara; ix-xejra fl-Irlanda ta’ Fuq miexja lejn l-adeżjoni mar-Repubblika. Il-Brexit qered l-unjoni mal-UE, iżda qed jeqred ukoll l-unjoni tal-Ingilterra mal-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja, u eventwalment, ma’ Wales. Il-Brexit mill-bidu kien xprunat min-nazzjonaliżmu egoist Ingliż, u se jwassal għal Ingilterra ifqar u aktar dgħajfa, mingħajr l-appoġġ ta’ nazzjonijiet ġirien oħra mill-gżejjer Brittaniċi tagħna. Mingħajr għaqda, kollox jisfaxxa Il-fehma tiegħi hija li dawn il-movimenti populisti kollha, qegħdin, kif ngħidu, “jaqtgħu l-fergħa minn maz-zokk”, u jħejju diżastru għalihom infushom. S’issa, ma nistax nara kif l-affarijiet qed jiċċaqalqu fl-UE, ħlief li ngħid li għandha ħafna problemi. Qabel il-Brexit, kien hemm tellieqa bejn ir-Renju Unit u l-UE, “liema waħda se tikkollassa l-ewwel”. Wara l-Brexit, naf li r-Renju Unit qed jirbaħ it-tellieqa miżerabbli: l-UE ma tidhirx li se tikkollassa qabel ir-Renju Unit. F'din il-gżira jiena għandi sentimenti ta’ għira għaliex il-problemi tal-Ewropa mhumiex gravi daqs tagħna.

KESEinfo: Nistgħu nitgħallmu mill-mod kif il-President Joe Biden qiegħed jiġġestixxi l-isfidi u r-riformi rapidi fl-Istati Uniti? Taħseb li jista’ jkun hemm konsegwenzi għall-UE?

N.D.: Iva. It-telfa ta’ Donald Trump kienet l-akbar daqqa ta’ ħarta li qala’ l-populiżmu f’dawn l-aħħar għaxar snin. Trump kien il-mexxej globali tal-populisti; huwa gawda l-ammirazzjoni ta’ ċerti reġimi fl-Ewropa, li kienu jammiraw il-mod kif huwa kien jiddefinixxi u jmaqdar l-ordni eżistenti; u huwa tilef. Biden beda jmexxi u, oħroġ il-għaġeb, sejjer tajjeb. Imma għadu fl-bidu, u huwa diffiċli li wieħed ikun jaf jekk hux se jirnexxi bil-kbir jew le. Nawguralu suċċess. Kif tafu, id-dinja tal-Punent, l-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq jikkostitwixxu blokk politiku u ta’ ċivilizzazzjoni wieħed, u l-Istati Uniti huwa l-akbar u l-aktar pajjiż b’saħħtu f’dan il-blokk. X’jiġri fl-Amerka jaffettwa lilna lkoll.

 KESEinfo: L-aħħar mistoqsija tiegħi: x’qed tħejji bħalissa? Forsi xi ktieb ġdid?

N.D.: Jiena dejjem inkun qed inħejji ktieb ġdid. Nista’ nsemmi tnejn. Wieħed se jiġi ppubblikat fi ftit jiem minn Penguin Books f’Londra; huwa bijografija dwar ir-Re George II, “storja kontinentali” ta’ monarka Brittaniku, li rrenja mill-1727 sal-1760 u li jien insejjaħlu “George Augustus”. Kien il-mexxej sovran ta’ stat kompost magħmul minn tliet partijiet, ir-Renju tal-Gran Brittanja, ir-Renju tal-Irlanda u l-Elettorat ta’ Braunschweig-Lüneburg, illum magħruf bħala Hanover, fil-Ġermanja. Kien Prinċep Elettur importanti tal-Imperu Qaddis Ruman, kif ukoll re Brittaniku, u huwa rrenja għal ħafna snin f’dan il-perjodu, li matulu r-Renju Unit sar l-aqwa setgħa navali fid-dinja u l-promotur ewlieni tal-kummerċ tal-iskjavi. Il-biċċa l-kbira tan-nies Brittaniċi mhumiex familjari mal-idea li monarka Brittaniku jista’ fl-istess ħin ikun mexxej ta’ stat kontinentali. Għalhekk, jiena ktibt ktieb qasir li għandu jqajjem ħafna dibattitu.

Issa li lestejt minn George Augustus, qiegħed inlesti l-istorja tal-Galicia Awstro-Ungeriża – wieħed mir-renji li għebu, li ma għadux jeżisti. Il-Galicia, li t-territorju tagħha llum jinsab parzjalment fil-Polonja u parzjalment fl-Ukrajna, qabel l-1918 kienet abitata minn tliet komunitajiet kbar ta’ Pollakki, Ukreni u Lhud. Madankollu, minn mindu nqasmet, il-memorja tagħha ġiet imxejna mill-preġudizzji nazzjonali. Il-Pollakki jiktbu dwarha daqslikieku kienet Pollakka, l-Ukreni daqslikieku kienet primarjament Ukrena; u l-istoriċi Lhud xi drabi jagħtu l-impressjoni li l-Galicia kienet pjaneta Lhudija separata. Fil-fehma tiegħi, il-Galicia storikament tista’ tiġi immaġinata u rikostruwita b’mod preċiż biss billi jiġu mħallta t-tliet elementi fi ħdan il-kuntest Awstrijak, u jiena qed nipprova nikseb l-effett mixtieq bl-għajnuna ta’ bosta rekords u memoirs kontemporanji.

KESEinfo: Grazzi ħafna

N.D.: Nirringrazzjak ferm ukoll! Vera kien ta’ pjaċir għalija!