KESE info: Bil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, qed nassistu għal mobilizzazzjoni bla preċedent tas-soċjetà ċivili, li qed tistinka biex tgħin lill-poplu Ukren. X’inhuma l-aktar azzjonijiet notevoli f’din il-mewġa enormi ta’ appoġġ uman għall-Ukrajna – l-għajnuna umanitarja, it-trasport, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-iskejjel, it-tagħlim tal-lingwi barranin? X’tagħlimiet hemm għalina bħala ċittadini li qed inħabbtu wiċċna ma’ traġedja umana?

David Stulík: Il-mewġa ta’ solidarjetà u appoġġ għall-Ukrajna fl-UE hija bla preċedent u tagħtina tama li eventwalment il-valuri Ewropej se jipprevalu fuq il-barbariżmu Russu u l-użu krudili tal-forza.

Huwa kommoventi ħafna u ta’ inkoraġġiment mil-lat emozzjonali li tara l-għajnuna umanitarja li qed jagħtu l-Ewropej lill-Ukrajna. Madankollu, irridu nkunu konxji ta’ xi kwistjonijiet li s-soċjetà ċivili trid iżżomm f’moħħha.

L-ewwel nett, meta ngħinu lir-refuġjati Ukreni fil-ħtiġijiet kollha tagħhom (akkomodazzjoni, edukazzjoni tat-tfal, xogħol), qed niffaċċjaw il-konsegwenzi tal-ħażen fl-azzjonijiet u r-reati ta’ gwerra mwettqa mir-Russja ta’ Putin. Madankollu, irridu nindirizzaw ir-raġuni li wasslet għal dawn l-atroċitajiet. Ir-raġuni hija l-eżistenza tar-reġim ta’ Putin li għadu jgawdi minn appoġġ mifrux fost il-poplu Russu.

Jekk jirnexxielna nwaqqfu dan, se nwaqqfu wkoll il-fluss ta’ refuġjati Ukreni lejn l-Ewropa. L-Ukreni jkunu aktar minn kuntenti li jibqgħu f’pajjiżhom u jgħixu hemm fil-paċi.

Dan iwassalni għat-tieni element ta’ dak li nemmen li s-soċjetà ċivili Ewropea għandha tistinka għalih. Ilkoll kemm aħna rridu nwaqqfu l-azzjonijiet insensati tat-tmexxija Russa.

Irridu nirrealizzaw li qed jattakkaw lilna wkoll, mhux biss l-Ukrajna. Il-propaganda Russa tpinġina, l-UEu n-NATO, bħala l-għedewwa l-kbar tagħhom, li qed jużaw l-Ukrajna bħala puppazz kontra r-Russja.

Iżda wara kollox, il-mistoqsija loġika hija kif tista’ titwaqqaf ir-Russja ta’ Putin. Is-sanzjonijiet ekonomiċi waħedhom mhux se jwasslu għal bidla fir-reġim fir-Russja.

Nibża’ li l-unika soluzzjoni biex jitwaqqaf Putin hija t-telfa militari tal-armati tiegħu fl-Ukrajna. Din għandha tkun il-prijorità numru wieħed bħalissa, li jitwaqqaf il-qtil ta’ ċivili innoċenti fl-Ukrajna u jiġi evitat li l-gwerra tinfirex f’partijiet oħra tal-Ewropa. Ma hemm l-ebda dubju li l-imġiba u l-pjani aggressivi tar-Russja jikkonċernawna wkoll, tal-anqas xi Stati Membri tal-UE, speċjalment dawk fl-Ewropa tal-Lvant u Ċentrali. Iva, aħna wkoll ninsabu fil-mira tal-ġenerali Russi bħala bersall “leġittimu” ieħor.

Jekk il-gwerra fl-Ukrajna ma titwaqqafx issa, aħna se jmissna u l-gwerra se tasal fostna wkoll. Irridu nirrikonoxxu li diġà ninsabu de facto f’dik il-gwerra. Tal-anqas, dan huwa kif ir-rwoli tal-UE u tan-NATO huma ppreżentati fil-midja (iċċensurata) Russa.

Għalhekk, aħna l-Ewropej għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nikkontribwixxu għar-rebħa tal-Ukrajna fuq il-kamp tal-battalja. Flimkien mal-issikkar tas-sanzjonijiet ekonomiċi u oħrajn kontra r-Russja, irridu nkunu lesti li nipprovdu lill-armata Ukrena bil-mezzi militari kollha meħtieġa li qed titlob.

Personalment, jiena paċifista, iżda dawn huma mumenti deċiżivi meta d-demokraziji liberali jridu jiddefendu lilhom infushom kontra dawk li jridu jeqirduhom. Dawn l-għedewwa tagħna jifhmu biss il-lingwa tal-forza u tal-poter militari. M’għandniex nibżgħu u nħossu mistħija talli nitkellmu dik il-lingwa peress li s-sopravivenza tagħna bħala soċjetajiet demokratiċi tinsab fil-periklu.