European Economic
and Social Committee
Il-kumpaniji Ewropej qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex isibu ħaddiema kwalifikati
Fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-22 ta’ Frar, il-KESE kellu dibattitu li wissa dwar id-diffikultà dejjem akbar tal-kumpaniji biex isibu forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, u enfasizza l-ħtieġa urġenti għal strateġija komprensiva dwar il-ħiliet fil-livelli kollha.
Id-dibattitu ġie organizzat fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet u b’rabta mal-adozzjoni tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Appoġġ għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol”. Fost il-parteċipanti għad-dibatititu kien hemm id-Direttur għall-Impjiegi, ix-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-OECD Stefano Scarpetta, il-Viċi President ta’ SMEunited Marianna Panebarco, u l-President ta’ Social Economy Europe, Juan Antonio Pedreño.
Il-President tal-KESE Christa Schweng fetħet id-dibatittu, u qalet li: “Id-diġitalizzazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni, u l-bidla fl-organizzazzjoni tax-xogħol li ġew aċċellerati b’konsegwenza tal-pandemija, urew li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema huma importanti biex jinżammu l-impjegabbiltà u l-produttività tal-ħaddiema, speċjalment fis-soċjetà tagħna li qed tixjieħ”.
Il-kelliema esprimew it-tama tagħhom li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet ma tisfax fix-xejn, iżda minflok turi li hija strument biex jiġu promossi t-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid.
Huma enfasizzaw diversi problemi dwar it-taħriġ, fosthom il-parteċipazzjoni limitata tal-ħaddiema għat-taħriġ minħabba, fost oħrajn, in-nuqqas ta’ ħin jew finanzjament, jew li t-taħriġ ma jkunx jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji.
Saret enfasi fuq ir-rwol vitali li l-imsieħba soċjali jista’ jkollhom biex jippromovu r-rikonoxximent tal-ħiliet biex jgħinu lin-nies jibqgħu impjegabbli. Ġie enfasizzat ukoll ir-rwol tad-djalogu soċjali bħala strument ewlieni biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u jiġu żviluppati l-ħiliet fil-postijiet tax-xogħol.
Saret enfasi speċjali fuq l-SMEs, kemm fl-Opinjoni tal-KESE kif ukoll fid-dibattitu, peress li dawn diġà qed isibuha diffiċli biex isibu ħaddiema kwalifikati jew biex joffru programmi ta’ taħriġ mfassla apposta.
“It-trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew teħtieġ fehim tajjeb ta’ liema tip ta’ ħiliet huma meħtieġa għat-trasformazzjonijiet futuri tas-suq tax-xogħol, inkluż fl-SMEs,” qalet Mariya Mincheva, relatur tal-Opinjoni tal-KESE.
Fl-Opinjoni, il-KESE saħaq li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jsir parti integrali minn strateġiji usa’ ta’ tkabbir ekonomiku u pjani għall-irkupru u r-reżiljenza. Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-SMEs għandhom jiġu mħeġġa jaħdmu f’networks li jinteraġixxu u jiġbru flimkien il-kapaċitajiet tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja.
L-istimi juru li 128 miljun Ewropew se jkollhom itejbu l-ħiliet tagħhom jew jagħmlu taħriġ mill-ġdid sabiex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, li l-impjiegi tagħhom huma l-aktar f’riskju li jiġu awtomatizzati ħafna, huma l-inqas li jipparteċipaw fit-taħriġ, b’4 % biss jieħdu sehem fl-UE27 matul il-perjodu ta’ żmien osservat.
Il-parteċipazzjoni tal-adulti b’mod ġenerali hija baxxa wkoll, bi 11 % biss jieħdu sehem f’perjodu partikolari. Il-ħaddiema ta’ bejn il-25 u l-34 sena huma l-aktar probabbli li jattendu taħriġ, bir-rata ta’ attendenza tagħhom hija ta’ 22 %, meta mqabbla mar-rata ta’ 8 % biss għall-gruppi ta’ età kollha. (ll)