Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja b’mod ġenerali l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar tassazzjoni aktar effiċjenti u ġusta u jfaħħar il-koordinazzjoni tagħhom fil-livell globali.

Fl-Opinjoni tiegħu adottata mill-assemblea plenarja fl-24 ta’ Frar, il-KESE jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-pakkett għal tassazzjoni ġusta u sempliċi tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-relatur tal-Opinjoni, Krister Andersson, jgħid li dawn il-proposti għandhom jiġu kkoordinati mad-diskussjonijiet globali mwettqa fl-OECD fi ħdan il-Qafas Inklużiv dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt. “Dan huwa punt kruċjali biex jintlaħaq kunsens globali, u jiġu evitati miżuri unilaterali,” huwa spjega.

Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-ilħuq ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti huwa dejjem iktar importanti fil-perjodu wara l-kriżi tal-COVID-19. Fl-Opinjoni tiegħu, il-korp konsultattiv iwassal l-viżjoni tiegħu dwar temi ewlenin għall-governanza tajba tat-taxxi fl-UE, il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, ir-rekwiżiti għar-rappurtar tat-taxxa, it-trattament tal-VAT għal servizzi finanzjarji, u r-regoli dwar it-taxxa u l-impjieg għall-pjattaformi diġitali. Fost proposti oħra, il-KESE jipproponi Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. (na)