European Economic
and Social Committee
L-irkupru tal-UE – L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata huwa kruċjali
Il-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jkunu aktar effiċjenti u effettivi jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti aktar malajr u b’mod aktar estensiv. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tar-Riżoluzzjoni dwar L-involviment tas-Soċjetà Ċivili Organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X’jaħdem u x’ma jaħdimx?, adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Frar u ppreżentata waqt dibattitu ma’ Christa Schweng, il-President tal-KESE u Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għall-baġit u l-amministrazzjoni.
Waqt li kkummentat dwar ir-riżultat, is-Sinjura Schweng qalet li: “Din ir-riżoluzzjoni, li tanalizza varjetà wiesgħa ta’ aspetti ekonomiċi u soċjetali, tippermetti li nibagħtu sinjal qawwi li l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata huwa kruċjali. Il-pjani ta’ rkupru jeħtieġ li jagħtu riżultati biex verament jappoġġjaw l-irkupru mill-kriżi attwali u t-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u diġitali. Bħala t-tieni pass, ladarba l-fondi jkunu operattivi, il-membri tal-KESE jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jivvalutaw jekk il-flus humiex qed jintefqu b’mod effettiv u jekk humiex qed jilħqu lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-bżonn”.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Hahn qal li r-regoli huma fis-seħħ, u li l-Kummissjoni se tkompli tinsisti fuq l-involviment tal-partijiet interessati f’dawn il-proċessi ta’ riforma: “Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jinkoraġġixxi konsultazzjonijiet wesgħin, interazzjonijiet b’saħħithom, u komunikazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni. Dan se jiġġenera sjieda ġenwina tal-pjani, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom. B’mod aktar speċifiku, l-Istati Membri jeħtieġ li jgħidulna kif il-kontribut tagħkom bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili huwa rifless fil-pjani.”
Ir-Riżoluzzjoni tfasslet mill-membri tal-KESE Gonçalo Lobo Xavier (Grupp ta’ Min Iħaddem), Javier Doz Orrit (Grupp tal-Ħaddiema) u Luca Jahier (Grupp Diversità Ewropa). Huma kkoordinaw il-ħidma ta’ 27 delegazzjoni ta’ tliet membri kull waħda, li qed jimmonitorjaw l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. (mp, na)