European Economic
and Social Committee
Maria del Carmen Barrera Chamorro: tranżizzjoni tal-enerġija għas-servizz tal-impjiegi
KESE Info: X’inhu l-impatt tat-tranżizzjoni tal-enerġija fuq l-impjiegi fir-reġjuni li għaddejjin mit-tranżizzjoni u l-KESE kif jipproponili jindirizza dan l-impatt?
Maria del Carmen Barrera Chamorro: S’issa l-esperjenzi kienu varjati ferm, b’xi suċċessi u ħafna fallimenti. Iżda huwa assolutament importanti li jiġi żgurat is-suċċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija fir-rigward tal-impjiegi. Mingħajr garanziji ta’ impjieg sostenibbli, protezzjoni soċjali u appoġġ għan-negozji għat-tranżizzjoni, mhux se jkun hemm futur kompetittiv u b’saħħtu fl-Ewropa.
Il-KESE jemmen li l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija għandhom ikunu akkumpanjati minn arranġamenti jew ftehimiet adatti għal konsultazzjoni soċjali ġusta li fihom il-ħolqien, iż-żamma u s-salvagwardja ta’ impjieg sostenibbli u ta’ kwalità tajba u l-appoġġ tan-nies huma kundizzjonijiet meħtieġa fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri previsti, anke fir-rigward tal-fondi riċevuti għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija.
Hemm bżonn ukoll li l-politiki dwar is-suq tax-xogħol jiġu integrati aħjar fil-leġiżlazzjoni u l-politiki ambjentali u dwar l-enerġija, u li jiġu offruti inċentivi għal impjieg sostenibbli u ta’ kwalità tajba. Se jkun hemm bżonn fondi biex jiġu kondiviżi l-ispejjeż tal-proċessi ta’ ristrutturar temporanju jew permanenti u l-programmi ta’ taħriġ mill-ġdid professjonali biex tittejjeb l-impjegabbiltà f’ekonomija dekarbonizzata.
Dan għandu jiġi appoġġjat b’politiki ta’ benesseri soċjali, bħal garanziji għal aċċess universali għas-servizzi tal-enerġija, introjtu ta’ sostituzzjoni, introjtu minimu adegwat, eċċ. L-integrazzjoni ta’ dawn il-politiki, fil-qafas tal-pjan ta’ żvilupp tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandha dejjem isseħħ permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.
Politiki ta’ investiment pubbliku u privat u ta’ kumpens soċjali aktar b’saħħithom huma essenzjali wkoll fid-dawl tal-effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs tal-UE, kif ukoll fuq l-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli.
Fl-aħħar, għandna bżonn politika ta’ koeżjoni mġedda li tagħti prijorità lir-rabtiet reċiproċi bejn it-tranżizzjoni tal-enerġija, is-swieq tax-xogħol u l-iżvilupp reġjonali. Dan jeħtieġ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni dwar l-użu tajjeb tal-fondi sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-imsieħba soċjali.