L-Istat tad-dritt jirrigwarda wkoll l-ekonomija!

Il-kriżi tal-istat tad-dritt fl-UE qed tmur għall-agħar. Sar politiċizzat ħafna u wassal għal tilwim legali li jdgħajjef il-pedamenti stess tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-aspetti politiċi u legali tad-dibattitu dwar l-istat tad-dritt huma preżenti ħafna fid-diskors pubbliku, l-angolu ekonomiku għadu sottovalutat. Dan huwa żball, fil-fehma tiegħi, peress li l-istabbiltà soċjali u ekonomika hija affettwata ħafna mill-istat tad-dritt.

Ir-rispett għall-istat tad-dritt jixpruna t-tkabbir billi jattira lill-investituri, li japprezzaw is-sikurezza, is-sigurtà u t-trasparenza. L-investituri japprezzaw ukoll il-kundizzjonijiet stabbli offruti minn gvernijiet ġusti u etiċi, kif ukoll ġudikatura ġusta u indipendenti. Għalhekk, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-investiment u l-kummerċ.

Personalment, nemmen li l-prinċipju tal-istat tad-dritt għandu jkollu rwol aktar b’saħħtu fis-suq intern. Ma jistax ikollna kompetizzjoni ġusta jekk ikun hemm miżuri diskriminatorji (bħal burokrazija u taxxi addizzjonali li japplikaw biss għal investituri barranin) fis-seħħ f’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi tal-UE. Ċerti drittijiet, bħad-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża, għandhom jiġu infurzati aħjar.

L-aspett ekonomiku tal-istat tad-dritt huwa viżibbli b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir. Għall-pajjiżi kandidati, u dawk kandidati potenzjali, il-prospett ta’ adeżjoni mal-UE huwa l-akbar inċentiv biex iwettqu riformi ekonomiċi u jsaħħu l-istat tad-dritt. L-UE għandha tagħti l-eżempju sabiex dawn il-pajjiżi jibqgħu fit-triq tal-adeżjoni u jkomplu jiżviluppaw id-demokraziji tagħhom fl-istil Ewropew. Bħalissa dan huwa partikolarment importanti, għax pajjiżi oħrajn qed iżidu t-tentattivi tagħhom biex jiksbu influwenza, pereżempju, fil-Balkani tal-Punent.

Dawn huma biss ftit mir-raġunijiet għaliex għandu jiġi intensifikat il-monitoraġġ tal-aspetti ekonomiċi tal-istat tad-dritt. Jeħtieġ niffukaw aktar fuq id-dimensjoni ekonomika tal-istat tad-dritt. Dan huwa rwol għalina – il-KESE – matul il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni li għaddejjin bħalissa dwar l-istat tad-dritt. Personalment, inħeġġeġ b’mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi kapitolu separat fir-rapport tagħha tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt li jkun jiffoka fuq id-dimensjoni ekonomika. Is-suġġett żgur li ħaqqu riflessjoni u investiment fit-tul.

Christa Schweng
President tal-KESE