Jeħtieġ li l-UE tadatta t-trasport Ewropew b’mod kontinwu għall-ħtiġijiet attwali u futuri, speċjalment fid-dawl tal-bidliet fid-domanda u x-xejra ’l fuq fil-fatturat tal-portijiet marittimi. Il-karatteristiċi ewlenin iridu jkunu l-multimodalità u t-tbaħħir intelliġenti, li jisfruttaw il-vantaġġi tad-diversi modi tat-trasport biex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli, filwaqt li fl-istess waqt tiżdied is-sikurezza u jitnaqqas il-piż ambjentali.

Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-Opinjoni abbozzata minn Mateusz Szymański u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-KESE, li tindirizza l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “NAIADES III: It-tisħiħ tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni Ewropej li jibqa’ validu fil-futur”.

Waqt li tkellem fil-marġini tal-laqgħa, is-Sur Szymański qal: “NAIADES III huwa pjan ta’ azzjoni importanti. Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex jiżdied is-sehem tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Hemm potenzjal kbir f’dan il-qasam, li għadu mhux sfruttat. Neħtieġu rieda politika u impenn f’ħafna livelli biex nistabbilixxu miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura u l-promozzjoni tal-ilmijiet navigabbli interni bħala settur tal-karrieri. Anke n-network TEN-T jeħtieġ li jiġi aġġornat biex iwieġeb għal xejriet ġodda tat-trasport.” (mp)