Meta l-aħbar dwar l-evakwazzjoni ta’ tfal bil-kanċer mill-Ukrajna waslet għand il-Fondazzjoni Villavecchia, il-persunal tagħha ma qagħadx jaħsibha darbtejn. Huma mill-ewwel offrew għajnuna volontarji biex jilqgħu u jassistu lit-tfal u l-familji tagħhom. Iżda biex ikunu jistgħu jagħtu lil dawn it-tfal il-kura u l-appoġġ adegwat li verament kellhom bżonn, il-fondazzjoni kellha tingħaqad ma’ sptarijiet u ħafna entitajiet u voluntieri oħrajn. Flimkien, irnexxielhom joħolqu post sigur għall-pazjenti żgħażagħ f’Barċellona. Natàlia Ferrer Ametller qasmet l-istorja tagħhom magħna.

KESE info: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett jew l-inizjattiva tagħkom?

Ġejna infurmati li tfal bil-kanċer kienu qed jiġu evakwati mill-Ukrajna u offrejna l-għajnuna tagħna lill-amministrazzjonijiet involuti u lill-organizzazzjoni internazzjonali li kienet qed tmexxi l-evakwazzjoni. Meta ġejna inkarigati li norganizzaw l-operazzjoni kollha, irċevejna appoġġ immedjat mill-Fondazzjoni Internazzjonali Josep Carreras bil-ħsieb li aħna namministraw l-operazzjoni kollha flimkien. Ħafna entitajiet oħrajn offrew li jagħtu l-għajnuna. Aħna ma ħsibnihiex darbtejn; kellna nagħtu l-għajnuna tagħna f’dawk l-oqsma fejn stajna nagħmlu dan: nilqgħu u ngħinu lit-tfal bil-kanċer u nsostnu ’l-familji tagħhom, b’koordinazzjoni mal-isptarijiet ta’ referenza.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu? (Tistgħu tagħtuna xi eżempju, jekk għandkom?)

Kienet esperjenza intensa ħafna u tgħallimna ħafna affarijiet. Fuq kollox, tgħallimna dwar is-sitwazzjonijiet ħorox tar-refuġjati. L-akbar diffikultà kienet il-lingwa, kif ukoll xi aspetti kulturali. Madankollu, kellna għajnuna minn ħafna voluntieri, li għamlu xogħol tremend bħala interpreti, jakkumpanjaw lit-tfal matul is-soġġorn kollu tagħhom fl-isptar, waqt il-vjaġġi bl-ambulanza, iż-żjarat u l-formalitajiet. Ħafna trattamenti pprogressaq b’mod tajjeb ħafna u bosta tfal diġà temmew it-trattament akut tagħhom u jinsabu fil-fażi ta’ terapija ta’ manteniment. Xi wħud minnhom setgħu jmorru lura d-dar. Pereżempju, dan ritratt ta’ wieħed mit-tfal, Mykola, u ommu, flimkien mal-ħaddiema soċjali tal-isptar tagħna. Għaddejna minn żmien diffiċli ħafna flimkien u l-aqwa rigal kien it-tbissima tat-tfal u s-sens ta’ kalma ta’ ommijiethom.

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità?

Se nużawh biex inkomplu bil-ħidma tagħna. Għandna tliet familji li t-tfal tagħhom għadhom fi stadju akut minħabba kumplikazzjonijiet bit-trattament tagħhom. Jeħtieġu akkomodazzjoni, manteniment, vjaġġar, assistenza medika, traduzzjoni, eċċ., u l-bqija tal-familji jeħtieġ li jkomplu jħossuna qrib tagħhom.

Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?

Iva, qed naħdmu biex noħolqu l-Padiljun Victoria, li huwa ospizju pedjatriku u l-ewwel wieħed it-tip tiegħu fi Spanja. Dan se jkun post fejn jieħdu ħsieb tfal b’mard li ma jistax jitfejjaq li jkunu fi stadji avvanzati jew fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom. Se nirrinnovaw bini storiku f’post emblematiku ħafna fl-Isptar Sant Pau f’Barċellona.

X’parir tagħtu lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?

Aħna nemmnu li huwa importanti ħafna li jiġu identifikati b’mod ċar il-ħtiġijiet u li jitfasslu proġetti li jindirizzaw dak li jeħtieġ li jiġi indirizzat, ikun kemm ikun diffiċli. Trid tkun taf tisma’, titgħallem, taċċetta l-għajnuna u tingħaqad ma’ entitajiet oħra li jaħdmu b’mod kumplimentari. Trid tapprezza x-xogħol ta’ ħaddieħor u kollha kemm aħna nimxu lejn l-istess għan flimkien.

Taħsbu li se jkun hemm ċertu għeja ta’ solidarjetà fil-konfront tar-refuġjati Ukreni jekk il-gwerra fl-Ukrajna tibqa’ għaddejja?

Sfortunatament, l-avvenimenti kurrenti malajr isiru aħbarijiet qodma u s-solidarjetà li jiġġeneraw tista’ tkun ta’ ħajja qasira. Madankollu, huwa minnu wkoll li n-nies għandhom ħafna kapaċità li jippersistu u li jiġġieldu għad-drittijiet u l-ġustizzja soċjali.

X’jistgħu u x’għandhom jagħmlu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipprevjenu li dan iseħħ?

Jistiednu lill-awtoritajiet biex ikomplu jipprovdu l-għajnuna u jsaħħu r-rwol tal-korpi soċjali.

L-UE jista’ jkollha rwol pożittiv f’dan ir-rigward?

Iva, billi tippromovi rakkomandazzjonijiet fil-livell Ewropew biex il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet jaħdmu flimkien u jiffaċilitaw il-ħidma tal-korpi rilevanti. Mhux se taħdem jekk ikollna amministrazzjonijiet li jaħdmu fuq naħa u korpi fuq oħra, mingħajr ebda rabta bejniethom. L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom bżonn is-soċjetà ċivili u din tal-aħħar ma tistax u m’għandhiex tkun iżolata. Ħafna korpi soċjali ilhom jaħdmu mingħajr l-appoġġ tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Nafu xi sforz kbir jeħtieġ meta nkunu miftuħin u naħdmu f’network, iżda nafu wkoll li hemm, b’mod assolut, opportunità li naħdmu flimkien.