Determinata li tbiddel il-perċezzjoni tan-nies li jesperjenzaw il-faqar enerġetiku bħala vittmi mingħajr għajnuna, l-assoċjazzjoni Katalana “Engineers Without Borders” bdiet torganizza assembleji kollettivi biex tagħti pjattaforma lil dawk bi ftit aċċess għall-enerġija jew l-ilma, u lil dawk li qed isibuha diffiċli biex iħallsu l-kontijiet. Mònica Guiteras, f’isem l-assoċjazzjoni, qaltilna kif l-assembleji pprovdew spazju sikur u viċin dawn in-nies, sabiex huma jirrealizzaw li mhumiex vittmi, iżda pjuttost il-protagonisti u l-aġenti tal-bidla fit-tranżizzjoni tal-enerġija.
EESC info: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett jew l-inizjattiva tagħkom?
Mònica Guiteras Blaya: L-impatt tal-faqar enerġetiku s’issa ġie indirizzat minn perspettiva ta’ protezzjoni soċjali, li ta’ spiss tirreferi għal dawk affettwati bħala vittmi, jew saħansitra bħala ħatja ta’ konsum “ħażin”. Aħna qiesna li kien meħtieġ li nintroduċu approċċ aktar trasversali, u nsaħħu l-pożizzjoni tal-familji li qed jesperjenzaw faqar enerġetiku sabiex huma jsiru protagonisti u aġenti tal-bidla fit-tranżizzjoni tel-enerġija li għaddejja bħalissa.
Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu? (Tistgħu ttuna xi eżempju, jekk għandkom?)
Il-parteċipanti jqisu li din l-inizjattiva hija tant meħtieġa, għaliex ħafna drabi jħossuhom impotenti fil-konfront ta’ kumpaniji kbar tal-provvista, jew jipperċepixxu l-approċċ tal-amministrazzjoni bħala wisq burokratiku. Assembleji kollettivi dwar il-faqar enerġetiku joffru lill-persuni kkonċernati spazju sikur, fil-qrib, fejn ħadd ma jiġi ġġudikat u ħadd ma jkun jaf aktar minn ħaddieħor. Huma spazji li jservu biex jinkiseb fehim aħjar dwar l-esperjenzi tal-persuni kollha, u jgħinuna biex ngħixu aħjar, b’aktar informazzjoni disponibbli u b’parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.
Kif beħsiebkom tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna lill-komunità? Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?
Il-premju huwa ta’ għajnuna kbira sabiex inżidu l-kapaċità tal-proġett li jilħaq lin-nies. Għadna nsibu diffikultà biex nilħqu ħafna nies li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà – dawk li lanqas biss jafu li jeżistu dawn l-assembleji. Il-premju se jgħinna wkoll biex nilħqu lin-nies affettwati b’modi innovattivi u sinifikanti. Dan huwa aspett li kellna nivvintaw mill-ġdid waqt il-pandemija, organizzajna assembleji b’taħlita ta’ preżenza fiżika u mill-bogħod. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħna li stabbilixxejna permezz ta’ dan ir-rikonoxximent u finanzjament, huwa li naħdmu fuq l-innovazzjoni, it-tixrid, u l-komunikazzjoni bil-għan li niġbru flimkien aktar nies li jappartjenu għal gruppi differenti.
X’parir tista’ tagħti lil organizzazzjonijiet oħrajn biex jiksbu r-riżultati f’attivitajiet u programmi ta’ dan it-tip?
Għalina kien importanti li nżommu kuntatt mill-qrib mal-organizzazzjonijiet ta’ bażi, lil hinn mis-setturi li l-organizzazzjonijiet tagħna s-soltu jaħdmu fihom. Għalkemm aħna NGO ambjentali, f’dan il-proġett stabbilixxejna sħubijiet lokali ewlenin, flimkien ma’ movimenti li għandhom l-għan li jiggarantixxu akkomodazzjoni deċenti u ma’ assoċjazzjonijiet tal-viċinat.
Kemm intom ottimisti dwar il-prospetti tal-UE biex tikseb il-miri tal-Patt Ekoloġiku?
Il-ġustizzja soċjali trid tkun essenzjali biex jinkisbu dawn il-miri, għaliex hija l-unika aspett li se tagħmel it-tranżizzjoni ġusta, kif ukoll ekoloġika. Bħala soċjetà, jeħtieġ li nagħmlu sforzi kbar biex ikollna impatt fuq il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet f’livelli differenti sabiex niksbu l-miri billi niggarantixxu salvagwardji soċjali, kif ukoll il-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini.