Il-kriżi globali tal-prezzijiet tal-ikel ġiet aggravata mill-gwerra fl-Ukrajna, iżda fil-fatt hija dovuta għal problemi aktar strutturali u sistemiċi fis-suq tal-komoditajiet, li ħolqu l-ġuħ u jheddu l-għajxien tan-nies, enfasizza l-KESE f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata fl-14 ta’ Diċembru.

Aggravata mill-kunflitt, ix-xokkijiet klimatiċi u l-COVID-19, il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel qed tikber, hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna żżid l-ispejjeż tal-ikel, tal-fjuwil u tal-fertilizzanti. L-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel laħqed massimu rekord fl-2022 fuq l-isfond ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-qasam tal-ikel mad-dinja kollha.

Madankollu, l-ambitu u l-iskala tal-volatilità attwali tal-prezzijiet jistgħu jiġu spjegati biss parzjalment mill-prinċipji fundamentali tas-suq. Wieħed mid-difetti sottostanti huwa n-natura xejn ċara u disfunzjonali tas-swieq taċ-ċereali.

“Tilgħabx bl-ikel, nannti kienet tgħidli. Madankollu, illum ħafna nies qed jinsew il-valur reali tal-ikel u qed jilagħbu fuqu,” qal ir-relatur tal-Opinjoni Peter Schmidt, President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent tal-KESE. “Aħna nuru b’mod ċar li s-suq attwali tal-komoditajiet mhux qed iwassal għal żvilupp sostenibbli, ambizzjoni klimatika u tranżizzjoni ġusta. Għall-kuntrarju, qed idgħajjef l-isforzi biex jiġi solvut il-ġuħ u biex jitrawmu dħul u prezzijiet ġusti.”

L-Opinjoni tal-KESE tenfasizza li l-kummerċ fiżiku globali taċ-ċereali huwa kkonċentrat ħafna. Erba’ kumpaniji jikkontrollaw madwar 70-90 % tal-kummerċ globali taċ-ċereali. “Filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel thedded is-sigurtà tal-ikel globalment, kumpaniji kummerċjali kbar qed jagħmlu profitt. Dan mhuwiex aċċettabbli!”, huwa qal.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu l-passi meħtieġa biex irażżnu l-ispekulazzjoni eċċessiva tal-komoditajiet, filwaqt li jirrikonoxxi li s-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet jipprovdu servizzi ewlenin lill-produtturi u lill-utenti tal-prodotti bażiċi tal-ikel, bħall-ġestjoni tar-riskju u l-iskoperta tal-prezzijiet. Il-KESE jirrakkomanda li:

  • jiġi regolat is-suq tal-futuri għad-derivattivi tal-ikel, kif kien il-każ sa tmiem l-aħħar seklu;
  • jiġu regolati l-indiċijiet l-indiċijiet tal-komoditajiet u tal-ikel, b’mod partikolari billi jiġu rregolati u pprojbiti l-fondi tal-indiċi tal-komoditajiet u r-replikazzjoni permezz ta’ swaps u prodotti nnegozjati fil-borża;
  • tiġi indirizzata l-finanzjalizzazzjoni tas-settur alimentari, pereżempju billi tiġi introdotta taxxa globali fuq profitti straordinarji u eċċessivi u taxxa fuq l-ispekulazzjoni tal-ikel, kif ukoll billi jinkissru l-oligopoliji fil-livelli kollha tal-katina tal-kummerċ internazzjonali tal-ikel;
  • tissaħħaħ it-trasparenza tas-suq billi jitjieb ir-rappurtar ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) u d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja ta’ atturi involuti fl-ispekulazzjoni. (ks)