Spejjeż tal-ivvjaġġar u indennizzi tal-membri

Ħarsa ġenerali lejn l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi għall-membri tal-KESE, id-delegati tal-kummissjonijiet konsultattivi, is-sostituti rispettivi tagħhom, u l-konsulenti

Il-membri tal-KESE, id-delegati tal-kummissjonijiet konsultattivi, is-sostituti rispettivi tagħhom, u l-konsulenti (kollettivament magħrufa bħala l-benefiċjarji) ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni mill-Kumitat. Madankollu, meta jipparteċipaw f’avvenimenti jew laqgħat uffiċjali tal-KESE, il-benefiċjarji huma intitolati għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi relatati.

Ir-regoli bażiċi għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi relatati huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2024/1809/UE tal-21 ta’ Ġunju 2024. Il-qafas legali huwa supplimentat aktar bir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Bureau tal-KESE fid-9 ta’ Lulju 2024.

Spejjeż tal-ivvjaġġar u indennizzi

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-attendenza fiżika f’avvenimenti jew laqgħat tal-KESE jiġu rimborżati abbażi tal-ispejjeż realment imġarrba u jitħallsu sa ċertu limitu, abbażi ta’ evidenza ta’ sostenn li tistabbilixxi b’mod ċar il-prezz imħallas, ir-rotta meħuda, u d-data u l-ħin tal-ivvjaġġar.

Meta jivvjaġġaw, il-benefiċjarji huma intitolati wkoll għal indennizzi tad-distanza u t-tul ta’ żmien li huma maħsuba biex ikopru l-ispejjeż kollha b’rabta mal-ivvjaġġar, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-viża, l-ispejjeż tat-tilqim u kwalunkwe tariffa ta’ reġistrazzjoni.

Jingħata indennizz tas-sussistenza ta’ EUR 367 għal kull ġurnata ta’ attendenza fiżika f’avvenimenti jew laqgħat uffiċjali tal-KESE. Għall-attendenza mill-bogħod, jingħata indennizz ta’ EUR 149.

Indennizzi oħrajn

Il-membri u d-delegati tas-CCMI jistgħu jkunu intitolati wkoll għal indennizz għall-kofinanzjament tal-ispejjeż tal-IT, tat-telekomunikazzjoni u tat-tagħmir elettroniku tal-uffiċċju. Id-dritt għal dan l-indennizz huwa bbażat fuq attendenza f’għadd minimu ta’ laqgħat uffiċjali tal-KESE.

Dan l-indennizz jitħallas lill-membri li jikkwalifikaw għalih f’żewġ pagamenti fis-sena ta’ EUR 1 500 kull wieħed. Id-delegati tas-CCMI li jikkwalifikaw għalih huma intitolati għal pagament annwali wieħed ta’ EUR 1 000.

Tniżżil ta’ dokumenti:

  • Deċiżjoni tal-Kunsill 2024/1809/UE tat-21 ta’ Ġunju 2024.
  • Deċiżjoni tal-Bureau tal-KESE tad-9 ta’ Lulju 2024.

Downloads