Il-Grupp Konsultattiv Domestiku UE -Vjetnam

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2020. Il-Ftehim jinkludi Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (Kapitolu 13), bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari billi jrawwem il-kontribut ta’ aspetti relatati mal-kummerċ u l-investiment ta’ kwistjonijiet tax-xogħol u ambjentali.  Jinkludi l-impenji tal-UE u l-Vjetnam biex jippromovu d-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, kif definiti minn strumenti internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet tal-ILO u ftehimiet ambjentali multilaterali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi. Ikopri wkoll oqsma bħar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-diversità bijoloġika, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-kummerċ tal-prodotti tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar u l-prodotti tal-akkwakultura.

Il-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jipprovdi wkoll għall-istabbiliment minn kull Parti ta’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi, magħmula minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi indipendenti, filwaqt li jiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inkluż fost l-oħrajn l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-ħaddiema u il-gruppi tan-negozji u l-organizzazzjonijiet ambjentali.

Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE b’rabta mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam jinkludi membri mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili Ewropea.

L-għan ewlieni tal-Grupp Konsultattiv Domestiku huwa li jagħti pariri dwar l-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli billi jressaq rakkomandazzjonijiet jew fehmiet lill-Partijiet.