Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE b’rabta mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapore

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019. Il-Ftehim jinkludi kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (Kapitolu 12), li jelenka l-impenji tal-UE u ta’ Singapore biex jippromovu d-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, kif definit minn strumenti internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet tal-ILO u ftehimiet ambjentali multilaterali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi. Ikopri wkoll oqsma bħar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-diversità bijoloġika, il-forestrija sostenibbli u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-akkwakultura.

Il-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jipprovdi għall-istabbiliment minn kull Parti ta’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi, magħmula minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE b’rabta mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapore jinkludi membri mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili Ewropea, filwaqt li jiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati indipendenti ekonomiċi, soċjali u oħrajn mhux governattivi, inkluż fost l-oħrajn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, il-ħaddiema u dawk ambjentali.

L-għan ewlieni tal-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE huwa li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Singapore.