European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni trid issir b’urġenza assoluta
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni trid issir b’urġenza assoluta
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni trid issir b’urġenza assoluta
KESE info: Inti r-relatur tal-Opinjoni, adottata fis-sessjoni ta’ Diċembru 2021, dwar il-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tal-Kodiċi Ewropew ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni. Sa liema punt id-diżinformazzjoni hija theddida għad-demokrazija, u x’għandu jsir mis-soċjetà ċivili u b’liema għodod biex jiġi evitat it-tixrid tal-aħbarijiet foloz?
Thierry Libaert: Id-diżinformazzjoni hija theddida għad-demokraziji minħabba li ddgħajjef il-fiduċja tagħna fl-istituzzjonijiet pubbliċi jew fix-xjenza. Bejn il-verità kumplessa u l-informazzjoni falza iżda li tinftiehem immedjatament, ta’ spiss nippreferu informazzjoni falza. Id-diżinformazzjoni m’hi xejn ħlief kwistjoni ta’ kredulità, ġieli mwettqa b’objettivi ġeopolitiċi ta’ distabilizzazzjoni, notevolment waqt l-elezzjonijiet.
Il-qalba tal-Opinjoni, li saret votazzjoni favuriha fid-9 ta’ Diċembru 2021, tikkonsisti f’talba lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi b’iktar saħħa biex twaqqaf id-diżinformazzjoni qabel ma ssir, u mhux biss tnaqqas il-konsegwenzi. Wieħed jista’ dejjem jipprova jtaffi l-effetti tan-nar, iżda huwa ferm iktar utli li wieħed iwaqqaf il-fjammi milli jidhru l-ewwelnett.
Hemm għadd kbir ta’ mezzi kif tista’ tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni. Fosthom insibu li tiġi indirizzata l-monetizzazzjoni tagħha. Flimkien mal-grupp ta’ ħidma tagħna, aħna għarafna li kien hemm kummerċ veru u proprju fid-diżinformazzjoni. Peress li l-informazzjoni falza tinfirex medja ta’ sitt darbiet aktar malajr mill-informazzjoni vera, u b’hekk titqassam u tiġi kkummentata, toħloq aktar attività għal pjattaforma tal-internet. Minħabba f’hekk, il-pjattaforma iktar tkun tista’ tirċievi flussi ta’ reklamar. Ġie stmat li kull sena jinħlew aktar minn EUR 400 miljun.
Irridu nevitaw li naħsbu li d-diżinformazzjoni hija problema biss tan-networks soċjali u tal-pjattaformi diġitali ewlenin. Il-midja tradizzjonali għandha wkoll responsabbiltà, inkluż l-istreaming ta’ stazzjonijiet tal-aħbarijiet televiżivi, fejn wieħed jista’ jara firxa wiesgħa ta’ psewdoesperti. Il-midja trid toqgħod iżjed attenta dwar il-kwalità tal-mistednin tagħha, u għandu jiġi mgħallem il-litteriżmu medjatiku sabiex il-pubbliku jkun jista’ jifhem u janalizza aħjar il-fehmiet espressi.
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni qatt m’għandha sservi bħala skuża biex titnaqqar il-libertà tal-espressjoni. L-għan ewlieni tal-litteriżmu medjatiku li nirrakkomandaw huwa li kulħadd ikun jista’ jagħmel differenza reali bejn id-data xjentifika u sempliċi twemmin jew fehmiet. Dawk li jappoġġjaw lil Donald Trump fl-Istati Uniti kif ukoll il-populisti fl-Ewropa, notevolment dawk li fir-Renju Unit kienu fil-qofol tal-Brexit, juru b’mod ċar il-periklu li t-tixrid tal-informazzjoni falza jista’ jkollu fuq id-demokraziji tagħna.
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni trid issir b’urġenza assoluta, dan huwa l-messaġġ li l-Kumitat tagħna ried iwassal.