European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Jože Smole: "Ħriġna mill-kriżi magħqudin u aktar b’saħħitna"
Jože Smole: "Ħriġna mill-kriżi magħqudin u aktar b’saħħitna"
Jože Smole: "Ħriġna mill-kriżi magħqudin u aktar b’saħħitna"
Sibna ma’ wiċċna sitwazzjoni li qatt ma konna għexna. Il-virus wasal f’daqqa waħda u kien qed jinfirex malajr ħafna, u dan wassal biex il-pajjiż kollu jitqiegħed taħt kwarantina sħiħa. Peress li din kienet l-ewwel darba li kellna sitwazzjoni bħal din, ma kellna l-ebda esperjenza ta’ kif nindirizzawha bl-aktar mod effiċjenti. X”se jiġri issa, bdejna nistaqsu lilna nfusna. Fil-bidu konna mbeżżgħin u ma nafux x’se nagħmlu. Fin-negozju, il-pjani kollha għas-sena attwali (2020) twarrbu prattikament f’ħakka t’għajn, u minħabba l-inċertezza tas-sitwazzjoni, il-pjani futuri kollha huma wkoll maħkumin minn livell għoli ta’ inċertezza.
Konna qed nistaqsu lkoll l-istess mistoqsija: xi jmiss? Kif se naġixxu f’din is-sitwazzjoni: il-kwarantina, iżolament sħiħ u mingħajr idea meta se jgħaddi kollox? L-akbar biżgħat u tħassib huma dejjem ikkawżati min-nuqqas ta’ kapaċità li wieħed ibassar x’se jiġri wara. Fil-bidu n-negozji wkoll irreaġixxew bl-istess mod. Kollha kemm huma xtaquna ngħidulhom kemm se ddum għaddejja aktar is-sitwazzjoni, x’se jkun ir-rispons tal-gvern u x’tip ta’ għajnuna setgħu jistennew. Diġà minn stadju bikri ħafna, beda joħroġ ċar li mhux ilkoll kemm aħna konna fl-istess pożizzjoni: il-kriżi ħarbtet ċerti setturi ekonomiċi, bħat-turiżmu u l-loġistika, filwaqt li ġabet magħha opportunitajiet u sfidi ġodda għal setturi oħrajn bħall-IT u l-industrija tal-ikel.
Konna xxurtjati li l-gvern, minkejja li kien għadu kif ġie kostitwit, irreaġixxa malajr u sew, u b’hekk fassalna flimkien programmi ta’ azzjoni, appoġġ u inċentivi, eċċ. Għal dan il-għan, żammejna kuntatt dirett u kontinwu ma’ għadd kbir tal-membri tagħna minn setturi differenti, sabiex inkunu infurmati tajjeb kemm jista’ jkun dwar il-qagħda fis-setturi differenti, niġbru l-akbar numru ta’ ideat dwar liema tip ta’ għajnuna tkun l-iktar effiċjenti, u nipprovdu informazzjoni lir-rappreżentanti tal-gvern.
Huma l-komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ u l-kuntatti li l-aktar inħoss in-nuqqas tagħhom. Il-fatt huwa li matul dan il-perjodu, il-komunikazzjoni bdiet issir kemm jista’ jkun online, filwaqt li l-komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ kważi għebet għal kollox. Il-qabża enormi tad-diġitalizzazzjoni fil-komunikazzjoni elettronika fi ħdan in-negozji u bejn l-Istat u n-negozji kif ukoll mal-pubbliku u mal-utenti, tista’ titqies bħala waħda mill-akbar benefiċċji tal-COVID-19.
Ir-riżultati wrew li l-aktar importanti huma organizzazzjoni tajba u dixxiplina min-naħa taċ-ċittadini kollha meta jaċċettaw u jirrispettaw l-istruzzjonijiet u l-miżuri, għax hekk biss jistgħu jinstabu soluzzjonijiet tajbin.
Il-fatt hu li l-COVID-19 se ġġib ħafna bidliet f’diversi oqsma. Madankollu, lanqas biss nafu kemm se ttul aktar l-epidemija tal-COVID-19; u lanqas jekk, wara li tkun għaddiet, hux se nibdew ngħoddu l-ġranet bejn l-ewwel mewġa tal-COVID-19 u l-mewġa li jmiss, peress li mhux se nkunu nistgħu neħilsu mill-virus darba għal dejjem. Il-kriżi feġġet fl-oqsma kollha, mill-edukazzjoni u s-saħħa sas-setturi finanzjarji u ekonomiċi, fost oħrajn. Ma nafux kif se tkun is-sitwazzjoni ladarba tgħaddi l-kriżi jew kemm se tkun intlaqtet ħażin l-ekonomija.
Se jkun hemm diversi bidliet li għad ma nafux bihom; għalhekk ikun żbaljat li nistaqsu liema impjiegi se jintilfu. Irridu nagħmlu kull sforz biex niżguraw li meta l-kriżi tispiċċa, in-negozji tagħna u b’hekk l-impjiegi tagħna jkunu kemm jista’ jkun kompetittivi. Se jirnexxielna nagħmlu dan mhux biss bl-għajnuna mill-Istat imma anke permezz ta’ edukazzjoni kontinwa fil-livelli kollha.
Il-fatt hu li dak il-perjodu ta’ iżolament uriena biċ-ċar li l-komunikazzjoni diġitali waħidha ma tistax tieħu post il-kuntatt wiċċ imb wiċċ, sew fl-iskejjel, kif ukoll fin-negozju jew f’attivitajiet oħrajn. Għalhekk, l-għan tagħna huwa naturalment li terġa’ tiġi stabbilita komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ, kemm fi ħdan l-assoċjazzjoni tagħna kif ukoll ma’ dawk kollha li bħalissa qegħdin nikkomunikaw magħhom biss permezz tal-għodod online.