RULES

This page is also available in

Fil-każ ta’ dubju, għandha tipprevali l-verżjoni Ingliża

Kundizzjonijiet ġenerali għal parteċipazzjoni f’“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!” (YEYS) 2018


INTRODUZZJONI

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) 
qed jospita l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!” (YEYS) għad-disa’ sena konsekuttiva fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2018. “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” se tippermetti studenti ta’ skejjel sekondarji minn 28 Stat Membru tal-UE u 5 pajjiżi kandidati (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija), biex jitgħallmu dwar il-KESE u r-rwol tiegħu, u jaqsmu fehmiet u jipproponu rakkomandazzjonijiet dwar suġġett speċifiku. It-tema tal-avveniment ta’ din is-sena hi marbuta mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (EYCH).

 

1.             Reġistrazzjoni

1.1         Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni

Biex tieħu sehem, skola applikanta trid:

  • tkun skola sekondarja bi studenti ≥16-il sena;
  • tkun lokalizzata fi Stat Membru tal-UE jew f’wieħed mill-pajjiżi kandidati;
  • tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet tal-edukazzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar jew pajjiżi kandidati;
  • ikollha kompjuter (biex taqra u tipprintja fajls PDF), b’aċċess għall-internet u l-post elettronika;
  • tagħżel għalliem/a wieħed/waħda u tliet studenti mis-sena ta’ qabel l-aħħar ta’ kull tip ta’ edukazzjoni sekondarja (≥16-il sena) li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż;
  • tintrabat li tikkunsidra u tiddiskuti s-suġġetti tal-avveniment fil-klassi qabel il-mawra fi Brussell;
  • tintrabat li tospita Membru wieħed tal-KESE għal sessjoni ta’ informazzjoni dwar l-UE u l-KESE, b’mod proviżorju bejn Jannar u Frar 2018 (l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u akkomodazzjoni tal-Membru tal-KESE jitħallsu mill-KESE). Il-membru se jżur l-iskola magħżula u se jiltaqa’ mat-tliet studenti magħżula biex jiġu Brussell. Matul iż-żjara hu jew hi se jagħti/tagħti preżentazzjoni (dwar l-UE, il-KESE u l-avveniment) għal klassi waħda jew aktar tal-iskola magħżula;
  • tinforma l-istudenti magħżula, sħabhom tal-klassi u possibbilment l-istudenti kollha fl-iskola dwar il-possibbiltà li jsegwu t-tħejjiijiet għall-avveniment u l-avveniment innifsu fuq Facebook, Twitter uInstagram fit-tliet fl-indirizzi indikati fl-aħħar ta’ dan id-dokument taħt “Informazzjoni addizzjonali”.

 

1.2         Proċess ta’ reġistrazzjoni

Skola li tkun tixtieq tieħu sehem hija meħtieġa timla l-formola ta’ reġistrazzjoni onlajn fuq is-sit web tal-KESE qabel l-24 ta’ Novembru 2017.

Qabel ir-reġistrazzjoni, l-iskola għandha tagħżel l-għalliema li se takkumpanja l-istudenti, u li trid tkun kapaċi tikkomunikaw bl-Ingliż, bħala l-unika persuna ta’ kuntatt għall-KESE – jekk l-iskola tintgħażel – matul il-fażi ta’ tħejjija qabel l-avveniment. Il-kap tal-iskola irid jikkonferma din l-għażla fis-sezzjoni rilevanti tal-formola ta’ reġistrazzjoni onlajn.

Fil-formola ta’ reġistrazzjoni, l-iskola tniżżel l-isem u l-indirizz sħiħ tagħha, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kap tal-iskola u l-għalliema li se takkumpanja l-istudenti, u indirizz elettroniku fejn tista’ tintbagħat kull korrispondenza mal-għalliema li se takkumpanja l-istudenti. Il-posta elettronika trid tiġi ċċekkjata regolarment billi l-iskejjel se jiġu kkuntattjati prinċipalment permezz tal-posta elettronika.

Formola ta’ reġistrazzjoni waħda biss għal kull skola se tiġi aċċettata. L-iskejjel li japplikaw iktar minn darba jiġi awtomatikament esklużi.

Ir-reġistrazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-24 ta’ Novembru 2017.

1.3         X’inhuma l-impenji ta’ skola meta tirreġistra?

Meta tirreġistra, kull skola għandha taċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali tal-polza, il-preparazzjoni u l-parteċipazzjoni fi Brussell. Reġistrazzjoni valida sad-data tal-għeluq tiggarantixxi biss li l-iskola tista’ tieħu sehem fil-polza; ma tiggarantixxix post fl-avveniment.

L-iskejjel li huma magħżula bix-xorti jimpenjaw ruħhom li:

  • jagħżlu u jirreġistraw tliet studenti kapaċi jitkellmu u jifhmu l-Ingliż, li se jieħdu sehem fl-avveniment fi Brussell, flimkien ma’ għalliem;
  • jistiednu Membru wieħed tal-KESE għal sessjoni ta’ informazzjoni fl-iskola;
  • jikkunsidraw u jiddiskutu dokument propost mill-KESE;
  • jaqsmu r-riżultati ta’ xogħolhom waqt l-avveniment fi Brussell billi jieħdu sehem attiv fid-diskussjonijiet;
  • jibagħtu ritratt tal-bini tal-iskola (pereżempju d-daħla prinċipali) u ritratt tal-grupp ta’ 3 student magħżula u l-għalliem li se jakkumpanjhom, kif ukoll l-awtorizzazzjoni biex dawn ir-ritratti jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal-KESE u li jittellgħu fis-sit web u n-netwerks soċjali tal-KESE;
  • jaqblu li l-isem tal-istudenti u tal-għalliema, kif ukoll ir-ritratti tal-istudenti u tal-għalliema li jittieħdu matul iż-żjara tal-Membru tal-KESE fl-iskola, jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal-KESE u jittellgħu fuq is-sit web u netwerks soċjali relatati tal-KESE. Jekk jogħġbok innota: sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-awtorizzazzjoni għandha tkopri l-persuni, il-bini u l-oġġetti kollha li jidhru fir-ritratti;
  • jaqblu li l-isem tal-istudenti u tal-għalliema, kif ukoll ir-ritratti tal-istudenti u tal-għalliema li jittieħdu matul il-parteċipazzjoni tagħhom fi Brussell, jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal-KESE u jittellgħu fuq is-sit web u netwerks soċjali relatati tal-KESE.
  • jipprovdu kwalunkwe silta mill-istampa relatata maż-żjara ta’ Membru tal-KESE fl-iskola jew relatata mal-parteċipazzjoni tal-iskola fl-avveniment;
  • minnufih jinformaw lill-organizzaturi fil-KESE dwar kwalunkwe bidla (pereżempju l-għalliema li takkumpanja lill-istudenti, l-istudenti parteċipanti, l-indirizz tal-posta elettronika);
  • jiżguraw segwitu tal-avveniment lokali, kemm fl-iskola kif ukoll f’postijiet oħra (pereżempju jinformaw dwar ir-rakkomandazzjonijiet adottati, it-tixrid tal-informazzjoni dwar l-avveniment b’mod ġenerali).

1.4         X’jiġri jekk skola ma tissodisfax l-impenji tagħha?

Kwalunkwe nuqqas biex jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet ifisser li l-iskola u l-istudenti tagħhom jiġu immedjatament esklużi mill-avveniment.

 

2.             L-għażla tal-iskejjel

L-iskejjel parteċipanti se jintgħażlu bil-polza f’Diċembru 2017 mill-iskejjel kollha li applikaw sad-data tal-iskadenza. Skola magħżula ma tistax terġa’ tapplika s-sena wara l-parteċipazzjoni tagħha fi Brussell (iżda se tkun tista’ terġa’ tapplika fi żmien sentejn). L-ismijiet se jittellgħu bil-polza fil-preżenza tal-Viċi President tal-KESE, li ser jiżgura li l-polza titwettaq f’konformità mar-regoli. Skola waħda se tiġi magħżula minn kull pajjiż. L-iskejjel magħżula se jiġu infurmati li ġew magħżula individwalment permezz tal-posta elettronika, u l-ismijiet tagħhom se jitpoġġew fuq is-sit web tal-KESE sa nofs Diċembru 2017.

 

3.             L-għażla u r-reġistrazzjoni tal-istudenti li ġejjin Brussell

L-iskejjel parteċipanti għandhom jagħżlu tliet studenti biex jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ ħidma fi Brussell mill-15 sas-16 ta’ Marzu 2018. Dawn l-istudenti għandhom ikunu fis-sena ta’ qabel tal-aħħar ta’ kull tip ta’ edukazzjoni sekondarja (≥ 16-il sena) u jridu jkunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż.

3.1         Kriterji tal-għażla

L-iskejjel infushom għandhom jagħżlu l-istudenti biex jirrappreżentawhom. Huma jistgħu jistabbilixxu kriterji tal-għażla tagħhom stess, sakemm dawn huma ċari, ġusti u mhux diskriminatorji. Għal raġunijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, l-istudenti magħżula għandhom preferibbilment jinkludu minn tal-inqas tifel wieħed u tifla waħda.

3.2         Il-parteċipazzjoni ta’ studenti b’diżabilità

L-iskejjel iridu jiżguraw li studenti b’diżabilità jkunu jistgħu wkoll jieħdu sehem fl-avveniment. Il-bini tal-KESE huwa mgħammar biex ikun aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà. Jekk ikunu meħtieġa arranġamenti speċjali, l-iskejjel iridu jinformaw lill-organizzaturi tal-KESE fi żmien xieraq.

3.3         Ir-reġistrazzjoni ta’ studenti

Sal-bidu ta’ Jannar 2018, l-iskejjel magħżula għandhom jirreġistraw it-tliet studenti li għażlu tliet biex jieħdu sehem f’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” 2018. Qabel ma jirreġistraw lill-istudenti, l-iskejjel iridu jakkwistaw ftehim bil-miktub (formola ta’ awtorizzazzjoni) mingħand il-ġenitur(i) jew il-kustodju(i) legali tagħhom.

3.4         Formola ta’ awtorizzazzjoni

Skejjel li jieħdu sehem fl-avveniment se jkunu meħtieġa jipprovdu formola ta’ awtorizzazzjoni għal kull student. Din il-formola tista’ titniżżel u tiġi stampata minn fuq is-sit web tal-KESE bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE meta tkun disponibbli. Din il-formola trid tiġi ffirmata mill-ġenitur(i) jew il-kustodju(i) tal-istudent u mill-kap tal-iskola. Il-formola mbagħad trid tintbagħat lill-KESE, flimkien ma’ kopja ta’ dokument tal-identità validu għal kull student, bil-posta jew bil-posta elettronika qabel it-8 ta’ Jannar 2018. Jekk jogħġbok kun żgur li l-kopja tkun leġġibbli.

Bil-posta lil:     Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

VMA 05/55
Rue Belliard 99
1040 Brussels (Belgium)
Bil-posta elettronika lil:           youreuropeateesc [dot] europa [dot] eu

F’din il-formola, il-ġenitur(i) jew il-kustodju(i) tal-istudent u l-kap tal-iskola jikkonfermaw li

  • l-istudent għandu permess li jmur Brussell għall-avveniment;
  • l-isem tal-istudent jista’ jiġi ppubblikat f’pubblikazzjonijiet tal-KESE, fuq is-sit web u netwerks soċjali relatati tal-KESE b’ritratti tal-istudent u/jew filmati tas-sessjoni;
  • l-istudent se jkun issorveljat mill-għalliem li qed jakkumpanjah waqt l-ivvjaġġar u matul is-soġġorn tagħhom fi Brussell.

L-istudent ma jistax jieħu sehem fl-avveniment jekk il-formola ta’ awtorizzazzjoni u kopja ta’ dokument tal-identità tiegħu ma jiġux riċevuti sal-iskadenza stabbilita.

3.5         Il-protezzjoni tad-data personali

Il-KESE jiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali kollha riċevuta skont il-leġislazzjoni fis-seħħ. L-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” 2018 se jkun iffilmjat, u se jittieħdu ritratti għal skopijiet promozzjonali.

 

4.             Preparazzjoni għall-avveniment fl-iskejjel

Membru tal-Kumitat ser iżur l-iskejjel magħżula, b’mod proviżorju bejn nofs Jannar u Frar 2018. Il-Membru ser jipprovdi informazzjoni dwar il-KESE u l-metodi ta’ ħidma tiegħu u ser jippreżenta u jiddiskuti d-dokument ta’ ħidma tal-avveniment. Il-KESE ser iħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-Membru. Il-KESE se jieħu wkoll inizjattivi tal-istampa. L-unità tal-istampa tal-KESE ser taħdem mal-iskejjel u l-Membri tal-KESE biex iħeġġu lill-midja jsegwu u possibbilment jipparteċipaw fiż-żjara. Napprezzaw l-appoġġ tiegħek għal din l-attività.

L-informazzjoni importanti kollha dwar l-avveniment se tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-KESE. L-għalliema involuti huma għalhekk mistiedna jiċċekkjaw is-sit b’mod regolari.

Sa nofs Jannar 2018, l-iskejjel parteċipanti ser jirċievu dokument ta’ ħidma b’mistoqsijiet miftuħa li jgħinu lill-istudenti u l-għalliema tagħhom jiffurmaw l-ideat tagħhom u jippreparaw għad-dibattitu fi Brussell. L-istudenti u l-għalliema jridu jiddiskutu u jwieġbu dawn il-mistoqsijiet fil-klassi, sabiex ikunu lesti għal diskussjonijiet diretti fi Brussell.

 

5.             L-Avveniment fi Brussell

5.1         Responsabbiltà

L-iskejjel parteċipanti, irrappreżentati mill-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti, ser ikollhom responsabbiltà sħiħa għall-istudenti u l-għalliem/a tagħhom waqt is-soġġorn tagħhom fi Brussell, u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-avveniment.

L-istudenti u l-għalliem li jakkumpanjahom iridu jieħdu magħhom id-dokumenti ta’ vvjaġġar neċessarji (jiġifieri passaport validu jew karta tal-identità valida).

Irid ikollhom ukoll Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (disponibbli b’xejn minn organizzazzjonijiet lokali tal-assikurazzjoni u/jew fondi tal-mard jew ċertifikat sostitut proviżorju jekk il-karta ma tistax tinħareġ fil-ħin (aktar informazzjoni disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559).

L-istudenti u l-għalliema minn pajjiżi kandidati jridu jivverifikaw mas-sistema tas-saħħa nazzjonali tagħhom jew ma’ assikurazzjoni privata kif dawn jistgħu jiġu koperti barra mill-pajjiż.

L-iskejjel parteċipanti u/jew il-ġenituri tal-istudenti parteċipanti irid ikollhom assikurazzjoni tal-ivvjaġġar. Din trid tkun koperta mill-parteċipanti nnifishom (xi skejjel għandhom mnejn ikollhom assikurazzjoni li tkopri ħarġiet tal-iskola barra l-pajjiż u/jew l-istudenti jistgħu jkunu diġà koperti minn polza tal-assikurazzjoni tal-familja). L-għalliema parteċipanti għandu jkollhom ukoll kopertura ta’ assikurazzjoni tal-ivvjaġġar.

L-istudenti u l-għalliema huma kollha assigurati mill-KESE kontra inċidenti li jistgħu jseħħu fil-Belġju matul l-avveniment.

Il-KESE ser jorganizza u jħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkommodazzjoni tal-istudenti u l-għalliem li jakkumpanjahom minn kull Stat Membru u pajjiż kandidat skont il-kondizzjonijiet imniżżla hawn taħt.

5.2         Arranġamenti għall-avveniment

L-avveniment ser isir fil-15-16 ta’ Marzu 2018. L-istudenti ser jaslu Brussell il-Ħamis 15 ta’ Marzu 2018, u se jiltaqgħu mal-parteċipanti l-oħrajn dakinhar filgħaxija. Huma ser jerġgħu lura lejn darhom nhar is-Sibt, 17 ta’ Marzu 2018.

L-iskejjel li jieħdu sehem ser ikunu infurmati minn qabel dwar l-arranġamenti preċiżi għall-avveniment.

L-iskejjel parteċipanti huma mistiedna jissuġġerixxu kontribut kulturali nazzjonali (pereżempju żfin u/jew tradizzjonali) għall-pranzu ta’ tislija fis-16 ta’ Marzu.

5.3         Lingwi ta’ ħidma

Il-gruppi ta’ ħidma ser jinżammu bl-Ingliż, filwaqt li interpretazzjoni minn u għall-Ingliż u l-Franċiż ser tkun ipprovduta għas-sessjonijiet plenarji. Kif diġà ġie enfasizzat, biex jiġi żgurat li d-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma jimxu bla xkiel, jenħtieġ li l-istudenti kif ukoll l-għalliem li jakkumpanjahom ikunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż. Ser jiġu organizzata attivitajiet paralleli għall-għalliema.

5.4         Spejjeż

Il-KESE ser iħallas l-ispejjeż segwenti tal-istudenti u l-għalliema tagħhom:

  • l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fi Brussell (2 iljieli, kolazzjon inkluż);
  • l-ispejjeż tal-ivvjaġġar bl-ajruplan jew bil-ferrovija minn pajjiżhom sa Brussell (inklużi titjiriet ta’ konnessjoni jew ferroviji ta’ konnessjoni fuq distanza twila jekk ikun meħtieġ). Il-vjaġġ ser ikun bl-ajru jew bil-ferrovija, skont il-pajjiż ta’ oriġini tal-parteċipanti. L-iskejjel li jieħdu sehem ser ikunu infurmati dwar l-arranġamenti preċiżi;
  • jekk jogħġbok innota li l-prenotazzjoni tat-trasport u tal-lukanda, kif ukoll il-ħlas tal-kont korrispondenti, ser isiru direttament u biss mill-KESE permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar tiegħu. Il-KESE mhux ser jieħu responsabbiltà għal kwalunkwe lejl addizzjonali u għal kwalunkwe kont mhux imħallas;
  • it-trasport bejn l-ajruport/l-istazzjoni tal-ferrovija ta’ Brussell u l-lukanda;
  • pranzu nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu 2018, ikla ta’ nofsinhar u pranzu nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu 2018.

Il-parteċipanti għandhom ikunu żguri li jaslu fl-istazzjon/l-ajruport minn ħafna qabel il-ħin tat-tluq skedat għal Brussell. Jekk jitilfu l-ferrovija/it-titjira tagħhom għal kwalunkwe raġuni oħra minbarra forza maġġuri, il-KESE mhux ser jagħti l-ebda ħlas lura u/jew kumpens u mhux se jkopri x-xiri ta’ biljetti ġodda jew tibdil fir-rotot eżistenti tal-biljetti, jew ikopri l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni jew ta’ sussistenza.

N.B.: Il-KESE mhux se jħallas/jirrimborża l-ispejjeż tal-vjaġġ lejn/minn l-istazzjon jew l-ajruport fejn jibda l-vjaġġ fil-pajjiż tal-parteċipanti. Dan ifisser li l-ispejjeż tal-vjaġġ lejn/minn l-istazzjon jew l-ajruport fejn jibda l-vjaġġ fil-pajjiż tal-parteċipanti se jkollhom jiġu koperti mill-parteċipanti.

 

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Informazzjoni ġenerali dwar il-KESE hija disponibbli fis-sit web tal-KESE: www.eesc.europa.eu

L-informazzjoni kollha dwar l-avvenimenti hija disponibbli fis-sit web ta’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek: www.eesc.europa.eu/yeys2018

Tista’ tibgħat ukoll mistoqsijiet lill-organizzaturi tal-KESE bil-posta elettronika fuq: youreuropeateesc [dot] europa [dot] eu

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek fuq Facebook: www.facebook.com/youreuropeyoursay/

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek fuq Twitter: youreurope

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek fuq Instagram: youreurope

Hashtag: #YEYS2018

Downloads

YEYS 2018 RULES