Il-KESE jniedi l-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021 dwar l-azzjoni klimatika

This page is also available in

Il-KESE ser jippremja sa mhux inqas minn ħames proġetti dwar il-klima li jixħtu dawl fuq il-kontribut imprezzabbli tas-soċjetà ċivili biex tinkiseb in-newtralità klimatika

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fetaħ l-applikazzjonijiet għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili 2021. Il-KESE ddedika l-premju tiegħu lill-azzjoni klimatika, u ser jagħżel ir-rebbieħa minn fost inizjattivi kreattivi u innovattivi li għandhom l-għan li jippromovu tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu mill-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili rreġistrati uffiċjalment fl-Unjoni Ewropea u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Il-premju huwa miftuħ ukoll għal individwi li jgħixu fl-UE. L-inizjattivi u l-proġetti eliġibbli jridu jitwettqu fl-UE.

Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Ġunju 2021 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell).

Il-proġetti jridu jkunu diġà ġew implimentati jew ikunu għadhom għaddejjin. Dawk li huma ppjanati iżda li ma jkunux bdew jiġu implimentati sat-30 ta’ Ġunju 2021 jiġu esklużi.

Ser jiġu ppremjati total ta’ EUR 50 000 lil mhux inqas minn ħames rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet x’aktarx li ssir matul is-sessjoni plenarja tal-KESE fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2021 fi Brussell, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa.

 

AKTAR DWAR IT-TEMA TAL-PREMJU TA’ DIN IS-SENA

‏‎‏‎Bħala l-ewwel istituzzjoni tal-UE li tat il-kelma lil Greta Thunberg fl-ewwel jiem tal-moviment globali tal-istrajk favur il-klima Fridays for Future, il-KESE minn dejjem kien favur azzjoni klimatika minn isfel għal fuq.

Għaldaqstant, huwa dejjem enfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet u l-individwi fil-livell lokali biex it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika ssir realtà. Dawn għandhom rwol kritiku biex jgħinu għal bidla fin-normi u fl-imġiba, biex l-ekonomiji lokali jsiru aktar ekoloġiċi jew biex imexxu t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet b’emissjonijiet żero netti fil-livell lokali jew reġjonali.

Permezz tal-ħidma tiegħu, il-KESE enfasizza ripetutament li s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – li jimpenja lill-UE tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 – jiddependi mill-azzjoni u l-impenn mill-atturi kollha. Waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku – il-Patt Klimatiku Ewropew – trid tiffoka fuq l-inkoraġġiment tan-nies biex isiru parti mis-soluzzjoni aktar milli l-problema, filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom biex ibiddlu s-sistemi li wassluna fix-xifer tal-kriżi klimatika.

Il-KESE jagħti wkoll importanza speċjali lill-involviment taż-żgħażagħ fl-azzjoni klimatika. F’Marzu ta’ din is-sena, l-avveniment annwali u emblematiku tiegħu L-Ewropa Tiegħek, Leħnek, li jlaqqa’ flimkien studenti tal-iskola postsekondarja mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-pajjiżi kandidati tal-UE, kien simulazzjoni ta’ konferenza internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima (COP) u ospita bosta attivisti prominenti dwar il-klima.

Billi jiddedika l-premju ewlieni tiegħu għal dan is-suġġett tant importanti, il-KESE jixtieq jonora u jixħet dawl fuq l-isforzi klimatiċi mhux statali li saru s’issa. Għandu l-għan ukoll li jħeġġeġ proġetti li għaddejjin bħalissa u jispira oħrajn ġodda, u b’hekk jenfasizza l-kontribut li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-individwi jistgħu jagħtu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021 se jingħata għal proġetti u inizjattivi eċċezzjonali li jkopru mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet li ġejjin:

  • -promozzjoni tal-involviment sħiħ u/jew l-aċċettazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima;
  • Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattitu dwar il-klima;
  • It-tfassil/L-implimentazzjoni ta’ proġetti li jispiraw u jippromovu tranżizzjoni lejn stili ta’ ħajja li ma jagħmlux ħsara lill-klima għal individwi fl-ambjenti u l-postijiet tax-xogħol lokali tagħhom, inkluż mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem jew tal-ħaddiema;  
  • Il-promozzjoni tal-għarfien dwar il-klima fost il-konsumaturi jew l-inkoraġġiment ta’ bidla fl-imġiba u fin-normi soċjali fil-kuntest tal-kriżi klimatika;
  • It-tfassil/L-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromovu politiki attivi dwar il-klima fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali jew Ewropew;
  • Il-promozzjoni tal-ġustizzja klimatika f’sens wiesa’, billi jiġu kkunsidrati d-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi; jitħeġġeġ l-għarfien dwar il-klima fost udjenzi usa’, aktar diversifikati u/jew żvantaġġati/emarġinati; jiġi żgurat li l-ebda grupp tas-soċjetà ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà newtrali għall-klima;
  • Il-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar il-klima fl-iskejjel fil-livelli kollha; it-tfassil/l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jissensibilizzaw lill-istudenti dwar it-tibdil fil-klima u soluzzjonijiet għalih fost it-tfal u ż-żgħażagħ;
  • Is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu r-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima;  
  • Il-promozzjoni tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima Il fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali jew Ewropew;  
  • It-trawwim taċ-ċittadinanza attiva u l-abilitazzjoni permezz tal-involviment fi proġetti li jippromovu tranżizzjoni ġusta u joħolqu interazzjonijiet ċiviċi ġodda li jwasslu għal ekonomija newtrali għall-klima;
  • Il-promozzjoni tal-involviment attiv taż-żgħażagħ biex jiġu proposti u implimentati soluzzjonijiet klimatiċi, kif ukoll l-abilitazzjoni taż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politiki dwar il-klima u l-ambjent fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali jew Ewropew.

Pubblikazzjonijiet letterarji jew xjentifiċi ta’ kwalunkwe tip u fuq kwalunkwe appoġġ, prodotti awdjoviżivi u kwalunkwe tip ta’ xogħol artistiku mhumiex eliġibbli għall-premju.

Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq is-sit web tagħna: http://www.eesc.europa.eu/civilsocietyprize/

 

DWAR IL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Fl-2021, il-KESE ser jagħti t-12-il Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili. Kull sena, il-Premju jkun iddedikat għal tema differenti ta’ rilevanza speċjali għall-UE, u jippremja u jinkoraġġixxi inizjattivi u kisbiet minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew individwi li taw kontribut sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea.

Fl-2020, il-KESE ssostitwixxa l-Premju għas-Soċjetà Ċivili tiegħu bi Premju għas-Solidarjetà Ċivili, ta’ darba, li kien iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. B’dan il-premju, il-KESE ta ġieħ lil 23 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, individwu u kumpanija privati mill-UE li wrew solidarjetà u responsabbiltà ċivika eċċezzjonali fil-ġlieda kontra l-pandemija u biex itaffu l-impatti terribbli tagħha. Fl-2019, il-Premju għas-Soċjetà Ċivili ċċelebra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa.

Aħna ġentilment nistidnuk tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżek jew fin-network tiegħek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2021 u b’hekk tgħin biex proġetti ta’ siwi jiksbu rikonoxximent.