Copyright: CMEDIA CORPORATION

F’Diċembru, il-KESE ospita l-wiri tal-film Under the Grey Sky, dwar ġurnalisti Belarussi li ħallsu prezz personali qares ħafna talli rapportaw dwar it-taqlib politiku f’pajjiżhom

Under the Grey Sky, l-ewwel film tar-reġista Belarussa Pollakka Mara Tamkovich, jirrakkonta l-istorja ta’ qsim il-qalb ta’ Lena, ġurnalista Belarussa li spiċċat il-ħabs wara li xandret dirett l-azzjoni repressiva tal-gvern fuq dimostrazzjoni paċifika fil-Pjazza Peremen f’Minsk. Fl-2020 il-Belarussja nħakment minn mewġa bla preċedent ta’ protesti b’reazzjoni għall-elezzjonijiet imbagħbsa li fihom reġa’ ġie elett għas-sitt darba Aleksandr Lukashenko.

Lena u l-operatur tal-kamera tagħha Olya ġew arrestati wara li komplew jiffilmjaw il-protesti minkejja li kienu traċċati minn drone tal-pulizija. Wara serje ta’ avvenimenti assurdi denji ta’ Kafka, Lena l-ewwel ġiet mixlija li organizzat irvellijiet u fixklet it-trasport pubbliku, imma wara l-akkużi nbidlu għal tradiment kontra l-pajjiż. Dik li suppost kienet detenzjoni amministrattiva ta’ sebat ijiem inbidlet f’sentenza ta’ tmien snin ħabs wara proċess bil-bibien magħluqin. Il-kollega tagħha ngħatat sentenza ta’ sentejn. Ilya, ir-raġel ta’ Lena li wkoll safa mhedded mill-pulizija tar-reġim, ipprova b’kull mod possibbli joħroġha mill-ħabs, u saħansitra pprova jipperswadiha tammetti l-ħtija bi skambju għal-libertà. Għal Lena dan kien inaċċettabbli.

Il-film huwa ispirat mill-istorja vera ta’ Katsiaryna Andreyeva, ġurnalista tal-istazzjoni televiżiv Belarussu Belsat, żewġha Ihar Iljash u l-kollega tagħha Darya Chultsova. Minkejja li Darya skontat is-sentenza tagħha ta’ sentejn, Katsiaryna u Ihar għadhom il-ħabs, u qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs imtawla ta’ tmien snin u tliet xhur. U bħalhom hemm ferm aktar: l-Assoċjazzjoni Belarussa tal-Ġurnalisti ddikjarat li sa tmiem l-2024 l-għadd ta’ ġurnalisti l-ħabs fil-Belarussja kien 45. Ħafna jkomplu jiffaċċjaw pressjoni anke wara li jħallu pajjiżhom.

Il-film iddebutta fuq livell dinji fil-festival Tribeca fi New York f’Ġunju 2024.

Fit-13 ta’ Diċembru, Under the Grey Sky intwera fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fil-preżenza tas-Sinjura Tamkovich u bħala parti minn seminar dwar ir-rwol tal-media indipendenti Belarussa fit-trawwim ta’ soċjetà aktar reżiljenti u demokratika.

KESE Info tkellem mas-Sinjura Tamkovich dwar il-film:

Il-film kemm isegwi b’mod preċiż l-avvenimenti li seħħew tabilħaqq u d-destin ta’ Katsiaryna Andreyeva? Użajt xi filmati oriġinali tal-protesti tal-2020 u l-każ tas-Sinjura Andreyeva?

Il-filmati oriġinali ntużaw diversi drabi fil-film. Il-ġbid tal-protesta li l-protagonisti kienu qed ixandru fil-bidu tal-film sar mis-Sinjura Andreyeva u s-Sinjura Chultsova; dawk huma filmati awtentiċi li użajna fil-ħdim tax-xena bl-atturi. Anke l-filmat tad-detenzjoni ta’ Raman Bandarenka li l-protagonisti jaraw fuq il-laptop tagħhom huwa reali (op-ed l-attivist Raman Bandarenka nqatel bis-swat minn persuni b’wiċċhom mgħammad wara li pprova jwaqqafhom milli jqaċċtu żigarelli ħomor u bojod li jissimbolizzaw il-bandiera tal-Belarussja qabel l-okkupazzjoni Sovjetika). Fi tmiem il-film, nuri montaġġ ta’ xandiriet diretti tal-protesti meħudin minn Katsiaryna bħala forma ta’ epilogu.

Il-plott tal-film isegwi mill-qrib ħafna r-realtà: il-mod kif ġew arrestati u kkundannati l-ġurnalisti, u l-pieni li ngħataw. Iżda l-għan tiegħi ma kienx li nagħti analiżi preċiża tal-avvenimenti, iżda pjuttost li nipprovdi l-verità emozzjonali tal-għażliet li kellhom jagħmlu n-nies u l-għażliet diffiċli li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom. Il-protagonisti tajniehom ismijiet differenti biex nisseparawhom ftit minn dawk li servewhom ta’ ispirazzjoni fil-ħajja reali, iżda wkoll biex nistiednu l-udjenza tirrifletti dwar dik l-istorja bħala waħda minn ħafna, bħala metafora għal dak li għadda minnu n-nazzjon kollu. 

Il-pubbliku ġenerali fil-Belarussja jaf x’ġara lis-Sinjura Andreyeva u ġurnalisti oħra bħalha? Taf kemm nies sofrew l-istess destin jew simili bħal tagħha?

L-għadd ta’ arresti politiċi u azzjonijiet ta’ repressjoni fil-Belarussja tant huwa kbir li kważi impossibbli li ma tkunx konxju tas-sitwazzjoni. Wara l-2020, mill-inqas 130 000 persuna sofrew forom differenti ta’ repressjoni u madwar 500 000 telqu mill-pajjiż. L-ammont huwa tant kbir li diffiċli jibqa’ mistur.

F’dawn l-aħħar snin l-għadd uffiċjali ta’ priġunieri politiċi (dawk akkużati jew ikkundannati fuq akkużi kriminali) fil-Belarussja baqa’ 1 300 persuna. Iżda trid tifhem li mijiet, jekk mhux eluf, diġà servew il-piena tagħhom, xi wħud ingħataw ħelsien aktar kmieni u ħafna minn dawk li għadhom kif ġew ikkundannati jibżgħu jitolbu l-istatus ta’ priġunier politiku. Din hija katina sistematika ta’ repressjoni li tiċċaqlaq b’mod kostanti, bi priġunieri ġodda jieħdu post dawk li jinħelsu. 

X’kienet il-motivazzjoni ewlenija tiegħek biex tipproduċi dan il-film? X’qed tittama li tikseb bih?

Bħala Belarussa ħassejt li kelli li nagħmel xi ħaġa meta r-reġim Belarussu ħonoq il-protesta tal-2020 b’tant brutalità. Bħala eks ġurnalista nista’ nirrelata b’mod qawwi mal-perspettiva tal-protagonisti tiegħi. Bħala reġista rajt storja b’saħħitha li tqanqal sentimenti profondi. Ħassejt li kelli nirrakkontaha. 

X’messaġġ ewlieni jew emozzjoni tittama li se jieħdu magħhom l-ispettaturi wara li jaraw l-film tiegħek?

Nittama tabilħaqq li n-nies jirriflettu tassew dwar xi tfisser il-libertà, xi prezz iridu jħallsu biex jiksbuha u jekk fil-fatt japprezzawx dak li għandhom. Nittama li jaħsbu dwar Kacia, Ihar u kull persuna li tinsab il-ħabs, peress li l-libertà hija xi ħaġa li ħafna nies fl-Ewropa jieħdu bħala fatt. 

X’għandha tagħmel l-UE – l-istituzzjonijiet tagħha, is-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u tad-drittijiet tal-bniedem u l-gvernijiet nazzjonali – biex tgħin?

Inħeġġeġ lill-UE biex lill-Belarussja ma tinsihiex u ma tqishiex kawża mitlufa. L-appoġġ tal-UE huwa dak li jippermetti lill-kultura u lill-media tagħna, u lis-soċjetà ċivili jibqgħu ħajjin taħt din il-pressjoni tremenda u, għalkemm għalissa dan jista’ jinħass bħala investiment fit-tul, se jkun vallapena.