Minn Daniela Vancic

L-IĊE hija verament unika: ma teżisti l-ebda għodda oħra fid-dinja li tippermetti li ċ-ċittadini jkollhom impatt dirett fuq il-leġiżlazzjoni. Madankollu, għad trid tingħata r-rikonoxximent li ilu jistħoqqilha, tikteb Daniela Vancic, Mexxejja għall-Politika Ewropea u l-Promozzjoni fi ħdan Democracy International, hija u taqsam magħna tliet ideat biex l-IĊE jkollha impatt akbar.

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) hija waħda mill-aktar għodod demokratiċi b’saħħithom tal-UE, wara l-elezzjonijiet Ewropej. Fit-13-il sena li ilha teżisti, l-IĊE involviet aktar minn 20 miljun ċittadin u b’hekk uriet li hija pjattaforma essenzjali għall-parteċipazzjoni. Madankollu, minkejja l-potenzjal tagħha, l-IĊE rari tirċievi r-rikonoxximent li jistħoqqilha.

Se nispjega għaliex l-IĊE hija importanti u se naqsam magħkom tliet ideat biex ikollha impatt saħansitra akbar.

Ir-rwol tal-IĊE f’dinja polarizzata

X’jagħmel li l-IĊE hija għodda verament unika? M’hemm l-ebda għodda bħalha fid-dinja. L-IĊE tawtonomizza liċ-ċittadini biex jinfluwenzaw il-leġiżlazzjoni direttament billi jiġbru appoġġ f’mill-inqas seba’ Stati Membri tal-UE. Fi żmien meta l-polarizzazzjoni politika qed tiżdied, l-IĊE taġixxi bħala pont vitali bejn iċ-ċittadini u dawk li jfasslu l-politika, billi trawwem il-kollaborazzjoni, tibni konnessjonijiet u tixpruna bidla reali.

Fil-qalba tagħha, l-IĊE trid tispira lin-nies biex jinvolvu ruħhom fit-tfassil tal-politika. Tiġbor flimkien gruppi differenti, tqajjem dibattitu pubbliku u tamplifika l-ilħna fix-xena Ewropea. Pereżempju, l-inizjattiva Il-Vuċi Tiegħi, l-Għażla Tiegħi, li dan l-aħħar kisbet aktar minn miljun firma, immobilizzat network ta’ attivisti, organizzazzjonijiet u personalitajiet pubbliċi (inklużi personalitajiet internazzjonali bħal Barack Obama) u nediet dibattitu usa’ dwar il-valuri fundamentali. Dan it-tip ta’ mobilizzazzjoni joħloq valur dejjiemi għad-demokrazija nnifisha, kif ukoll għall-kawża inkwistjoni.

Azzjoni f’waqtha hija kruċjali

L-IĊE għandha potenzjal demokratiku enormi, iżda biex dan jiġi sfruttat bis-sħiħ, azzjoni f’waqtha mill-istituzzjonijiet tal-UE hija essenzjali. Għalkemm ċerti inizjattivi, bħall-kampanja End the Cage Age, wasslu għal bidliet pożittivi fil-politiki tal-UE, spiss ikun hemm dewmien sinifikanti bejn l-appoġġ tal-pubbliku għal IĊE u s-segwitu leġiżlattiv għaliha. Dan jista’ jkun frustranti kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għas-soċjetà ċivili, b’riskju li dawn jitilfu l-fiduċja fil-proċess.

Biex iżżomm il-momentum għaddej, l-UE għandha tikkunsidra tħaffef dawk l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jirċievu appoġġ pubbliku kbir ħafna. Huwa minnu li l-leġiżlazzjoni tal-UE tieħu ż-żmien, però meta IĊE jkollha appoġġ ċar u mifrux, għandha tirċievi attenzjoni speċjali. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jaraw l-ideat tagħhom jissarrfu f’azzjoni malajr, u b’hekk l-IĊE ssir mutur għal bidla f’waqtha kif ukoll għodda li tinfluwenza.

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-ispinta għar-riforma Ewropea

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn dejjem kienu fil-qalba tal-IĊE, billi jimmobilizzaw liċ-ċittadini u jissensibilizzaw dwar il-potenzjal tal-għodda. Mill-bidu nett, l-organizzazzjonijiet bħal Democracy International kellhom rwol kruċjali fl-iżvilupp u l-appoġġ tal-IĊE. Iżda r-rwol tas-soċjetà ċivili ma jieqafx hemm.

Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikomplu jippromovu riformi li jistgħu jsaħħu l-IĊE bħala strument demokratiku. Pereżempju, l-IĊE għandha tkun tista’ tipproponi bidliet fit-Trattati tal-UE – setgħa li għadha ma ntlaħqitx iżda li jista’ jkollha impatt profond fuq il-futur tal-Ewropa. Id-dibattiti dwar ir-riforma tat-Trattati qed jevolvu u qed jiġi aċċettat dejjem aktar li l-UE teħtieġ Trattat li jkun adattat biex jissodisfa l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ żminijietna. Għalhekk huwa aktar importanti minn qatt qabel li nespandu l-IĊE biex iċ-ċittadini jingħataw siġġu madwar il-mejda.

L-IĊE għandha tkun sors ta’ ispirazzjoni għall-politiki

Ejjew inżidu l-livell ta’ ambizzjoni għall-IĊE. Waħda mill-ideat biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħha hija li jitqiesu wkoll l-IĊE li ma jissodisfawx il-kriterji formali tal-Inizjattiva. Mhux kull idea kbira tista’ tikseb il-miljun firma, iżda dan ma jfissirx li mhux ta’ min jikkunsidraha. It-twettiq ta’ kampanja tal-IĊE mhuwiex faċli, speċjalment meta dan jinvolvi sforzi transnazzjonali, multilingwi u multinazzjonali. Madankollu, uħud mill-aħjar ideat jista’ ma jkollhomx ir-riżorsi biex jilħqu l-livell għoli stabbilit għas-suċċess tal-IĊE.

Pereżempju, l-IĊE dwar Single Communication Tariff Act (Att dwar Tariffa Unika għall-Komunikazzjoni) tal-2012 ma kinitx IĊE ta’ suċċess skont id-definizzjoni standard, iżda ispirat il-politika ta’ “roaming daqslikieku f’pajjiżek” li daħlet fis-seħħ ħames snin wara, u li kienet ta’ benefiċċju għal miljuni ta’ Ewropej mobbli li issa jistgħu jgawdu minn roaming tad-data bejn il-fruntieri, mingħajr tariffi. Dan juri li anke l-IĊE li ma jilħqux il-mira tal-ammont ta’ firem jistgħu jqanqlu bidla fil-politika. L-UE għandha tkun lesta li tikkunsidra l-ideat kollha mmexxija miċ-ċittadini, anke dawk li ma jiksbux il-miljun firma, u tużahom bħala sors ta’ ispirazzjoni għal-leġiżlazzjoni futura.

Punti ewlenin

L-IĊE hija għodda ta’ valur inkredibbli għat-tisħiħ tad-demokrazija fl-Ewropa, speċjalment fi żmien meta l-valuri demokratiċi fid-dinja huma mhedda. L-IĊE tawtonomizza liċ-ċittadini biex iressqu l-ideat tagħhom fix-xena tal-UE, u b’hekk timmobilizza l-appoġġ pubbliku u toħloq impatt sinifikanti. Hekk kif l-IĊE tidħol fl-adolexxenza tagħha, wasal iż-żmien li naħsbu dwar kif din l-għodda unika tista’ tiġi amplifikata u kif tista’ tinħoloq konnessjoni aktar b’saħħitha u aktar diretta bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet.

Bl-appoġġ kontinwu tas-soċjetà ċivili, l-IĊE tista’ tgħin biex tinbena Unjoni Ewropea aktar parteċipattiva u reattiva, li ssaħħaħ postha bħala mexxejja globali fid-demokrazija.

Daniela Vancic hija l-Mexxejja għall-Politika Ewropea u l-Promozzjoni fi ħdan Democracy International, fejn ilha mill-2017 tippromovi d-demokrazija parteċipattiva u diretta. B’aktar minn għaxar snin ta’ esperjenza fil-proċessi ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini, hija esperta rikonoxxuta fil-qasam tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Fl-2022, hija kienet il-koeditriċi tal-ktieb Complementary Democracy: The Art of Deliberative Listening.