Il-piż tat-tisħiħ tal-koeżjoni għad-depolarizzazzjoni tas-soċjetajiet jaqa’ fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li għandhom is-saħħa u l-motivazzjoni biex jipproteġu l-ispazji ċiviċi u demokratiċi. Dan kien il-messaġġ ewlieni mill-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, ospitata għat-tieni sena mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) biex tiġi diskussa x-xejra allarmanti ta’ polarizzazzjoni mifruxa madwar is-soċjetajiet tal-UE.

Aktar minn 800 persuna, inklużi rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, NGOs u gruppi taż-żgħażagħ, kif ukoll partijiet ikkonċernati u ġurnalisti, inġabru fil-KESE mis-17 sal-20 ta’ Marzu f’ġieħ il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jiddiskutu kif jistgħu jissaħħu l-koeżjoni u l-parteċipazzjoni f’soċjetajiet polarizzati.

Il-ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili ospitat 14-il sessjoni organizzati mill-membri tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE u l-imsieħba ta’ Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) , inkluża ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili. Il-parteċipanti fasslu sett komprensiv ta’ passi azzjonabbli u talbiet ewlenin għal soċjetajiet aktar koeżivi, inkluż:

  • it-tisħiħ tal-koeżjoni permezz tal-edukazzjoni u l-kultura;
  • il-provvediment ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli;
  • it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni pubblika permezz tal-IĊE;
  • l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta inklużiva u tkabbir ekoloġiku blu;
  • il-bini ta’ strateġija Ewropea b’saħħitha għas-soċjetà ċivili;
  • it-tisħiħ tal-appoġġ u l-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
  • l-involviment taż-żgħażagħ fit-tiswir ta’ Ewropa aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti;
  • tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-teknoloġija għall-ġid komuni.

Fis-sessjoni tal-għeluq, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Aħna u nikkonkludu din it-tieni edizzjoni tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, ninsab ispirat profondament mill-enerġija, ir-reżiljenza u l-impenn tal-atturi tas-soċjetà ċivili minn madwar l-Ewropa. Din il-ġimgħa wriet li meta tinġabar flimkien is-soċjetà ċivili, nistgħu nsawru soluzzjonijiet li jsaħħu d-demokrazija tagħna, irawmu l-koeżjoni soċjali u jibnu Ewropa li verament taħdem għan-nies tagħha.”

Mill-Kummissjoni Ewropea, Henna Virkkunen, Viċi President Eżekuttiv għas-Sovranità Teknoloġika, is-Sigurtà u d-Demokrazija, enfasizzat ir-rwol kruċjali li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom fin-navigazzjoni tas-soċjetajiet bl-użu tal-valuri Ewropej ewlenin.

Victor Negrescu, Viċi President tal-Parlament Ewropew, għamel sejħa qawwija għal azzjoni, u talab lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili juru s-saħħa tagħhom u jirreaġixxu għar-retorika aggressiva: “Neħtieġu soċjetà ċivili b’saħħitha u sħubija reali bejn is-soċjetà ċivili u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex nibnu b’mod konġunt fuq soċjetà konsistenti b’impatt reali fuq il-ħajja tan-nies.”

Rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw li s-soċjetajiet ċivili huma aktar minn fornituri ta’ servizzi; huma parti essenzjali mid-demokrazija u l-parteċipazzjoni. Nataša Vučković, Segretarju Ġenerali fil-Fondazzjoni taċ-Ċentru għad-Demokrazija tas-Serbja, esprimiet l-ottimiżmu tagħha li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol vitali fil-ġlieda kontra l-kawżi ewlenin u t-tixrid ta’ narrattivi antidemokratiċi u anti-Ewropej, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati. Dan jista’ jsir billi l-Unjoni Ewropea tiġi dekodifikata u billi jiġi żgurat li l-benefiċċji tagħha jilħqu liċ-ċittadini kollha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. (at)