European Economic
and Social Committee
Id-diżinformazzjoni tirbaħ jekk lil min qed tindirizza huwa dgħajjef
Tkellimna mal-ġurnalist Ġeorġjan-Franċiż Régis Genté dwar il-kwistjonijiet li huma fost l-akbar tħassib fir-rigward tal-elezzjonijiet Ewropej: iż-żieda fil-lemin estrem, żgħażagħ li m’għandhomx motivazzjoni biex jivvutaw u d-diżinformazzjoni. Espert politiku taż-żona post-Sovjetika, Régis Genté jirrapporta għall-media prinċipali ta’ Radio France Internationale, France 24 TV u Le Figaro.
KESE Info: Taħseb li ż-żieda tal-partiti tal-lemin estrem fl-Ewropa se jkollha impatt fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej?
Bl-ebda mod ma jien espert tal-lemin estrem fl-Ewropa, iżda jekk tħares lejn l-istħarriġiet li għandna bħalissa f’pajjiżi (Franza), ikolli nirrikonoxxi li l-lemin estrem jinsab fuq quddiem. L-elezzjonijiet Ewropej jirrappreżentaw mezz politiku għaċ-ċittadini Ewropej biex jgħidu jew jgħaddu messaġġ dwar pajjiżhom lill-politiċi tagħhom. Iċ-ċittadini Ewropej l-ewwel jaħsbu dwar is-sitwazzjoni politika f’pajjiżhom u mbagħad wara dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa. Għalhekk iva, il-partiti tal-lemin estrem probabbilment se jkollhom impatt fuq dawn l-elezzjonijiet, f’kuntest fejn qed jiżdiedu l-mistoqsijiet dwar ir-rabta bejn is-sovranità u l-integrazzjoni Ewropea.
Temmen li ż-żgħażagħ huma motivati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej?
Se nwieġeb bħala ċittadin normali li ilu jgħix f’territorju post-Sovjetiku għal 22 sena u bħala xi ħadd li ta’ spiss jitkellem maż-żgħażagħ fl-Ewropa. Nara li mhumiex motivati ħafna biex imorru jivvutaw. Nosserva l-istess fil-Georgia, fejn ngħix. Iż-żgħażagħ hemmhekk huma interessati fil-politika, iżda la huma favur partit fil-gvern u lanqas favur l-oppożizzjoni. Jixtiequ jkunu involuti fil-ħajja politika ta’ pajjiżhom, iżda jirrifjutaw li jivvutaw minħabba li l-ebda wieħed mill-partiti u l-mexxejja tagħhom ma jirrappreżentawhom verament. Hija pożizzjoni interessanti li nirrispetta għaliex tista’ tiftaħ il-bibien biex il-politika ssir differenti, lil hinn mid-demokrazija rappreżentattiva, lil hinn mill-partiti. Iżda, sadanittant, tħalli l-qasam politiku f’idejn il-politiċi u diversi forzi politiċi ... u mingħajr iż-żgħażagħ.
Id-diżinformazzjoni kemm tista’ tinfluwenza b’mod profond lill-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin?
Id-diżinformazzjoni tirbaħ jekk lil min qed tindirizza huwa dgħajjef – u f’dan il-każ huma aħna l-Ewropej li qed niġu indirizzati. Id-diżinformazzjoni Russa ma toħloqx problemi; tuża l-problemi eżistenti. U lkoll nifhmu li bħalissa s-soċjetajiet tagħna għaddejjin minn kriżi politika u morali profonda. Dan ifisser li, sfortunatament, hemm lok biex id-diżinformazzjoni tkun effiċjenti. Iżda nħoss li, bħala Ewropej u bħala ċittadini tad-dinja, ilkoll aħna aktar edukati u esperjenzati dwar kif għandna naġixxu fir-rigward tal-media soċjali. Tgħallimna ħafna matul dawn l-aħħar għaxar snin. Nafu ftit aħjar kif għandna niffiltraw l-aħbarijiet tal-pjattaformi tal-media soċjali, peress li aħna konxji li dawn iservu ta’ ambjent għall-manipulazzjoni u l-aħbarijiet foloz. M’għandniex inkunu pessimisti wisq, għaliex dan diġà qed jagħmilna l-vittmi tad-diżinformazzjoni. Is-soċjetajiet m’għadhomx daqshekk inġenwi, u n-nies huma konxji li l-pajjiżi u atturi politiċi oħra jistgħu jużaw in-networks soċjali biex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika. Fir-rigward tal-media soċjali għandi ngħid li hija biss il-minoranza li hija attiva; il-maġġoranza vasta tal-popolazzjoni medja, il-persuni b’edukazzjoni, spiss tibqa’ siekta. U dan l-għadd sinifikanti ta’ nies mhux qed jibilgħu kull ħaġa impressjonanti li tinkiteb fuq il-media soċjali.