Nistabbilixxu l-prijoritajiet tagħna

Għeżież qarrejja,

Kważi għaxar xhur minn mindu r-Russja bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, il-missili jibqgħu jaqgħu ta’ kuljum fuq il-bliet Ukreni. L-iżviluppi reċenti, inkluż inċident fatali fit-territorju tal-UE, fakkruna fit-theddida kostanti għas-sigurtà u l-konsegwenzi tal-gwerra. F’dan l-isfond, il-prijoritajiet komuni tagħna tal-UE għax-xhur li ġejjin huma ċari.

L-ewwel prijorità hija l-appoġġ kontinwu għall-Ukrajna u l-poplu tagħha, li qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet estremi. Il-ħsara lin-network tal-ilma u l-qtugħ tal-elettriku ħallew miljuni ta’ nies fl-Ukrajna mingħajr aċċess adatt u sikur għall-ilma, l-elettriku u s-sħana. L-appoġġ u s-solidarjetà tal-UE għandhom jissoktaw.

It-tieni prijorità hija s-sigurtà u l-valuri demokratiċi tal-UE. Ninsab assigurata bit-tħabbira tal-Iżvezja li s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u s-salvagwardja tal-valuri fundamentali tal-UE huma tnejn mill-kwistjonijiet ewlenin li ser isawru d-direzzjoni politika meħuda mill-presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. M’għandniex inħallu s-sigurtà jew il-valuri tagħna jiġu affettwati mentri nuru solidarjetà mal-Ukrajna. L-unità Ewropea hija kruċjali.

Il-prijoritajiet l-oħra jinkludu li nikkkontrollaw kriżi tal-enerġija mingħajr preċedent u nħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika. Minħabba l-perspettiva ekonomika dinjija negattiva għall-Ewropa, bl-inflazzjoni mistennija tilħaq 9,3 % fl-UE fl-aħħar tas-sena, jeħtieġ li nistabbilixxu b’mod ċar il-prijoritajiet it-tajba, aktar milli nżommu max-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo. L-iżgurar tal-irkupru u l-appoġġ għan-negozji u n-nies li qed jaffaċċjaw rata għolja ta’ inflazzjoni u prezzijiet għoljin tal-enerġija huma ta’ importanza ewlenija għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, kif ukoll għad-demokraziji tagħna.

Barra minn hekk, ma nistgħux ninsew il-ħtieġa li nsaħħu l-kompetittività tal-UE għall-impjiegi tal-futur. Hekk kif in-negozji tal-UE qed jitħabtu biex isibu ħaddiema b’livell adegwat ta’ ħiliet, mentri ħafna miż-żgħażagħ tagħna ma jistgħux isibu impjieg, wasal iż-żmien li nibdew nindirizzaw l-ispariġġ fil-ħiliet. Fir-rigward tal-kompetittività tas-suq globali, ma nistgħux neħlu l-kapital uman tal-UE.

Prijorità globali oħra hija l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE semma’ leħnu ħafna, permezz tal-Opinjonijiet li ħareġ u l-avvenimenti li ospita, dwar kif il-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jsir patt soċjali wkoll. Sfortunatament, id-dimensjoni soċjali għadha mhux żviluppata biżżejjed. Id-djalogu soċjali għandu jkun parti integrali tal-politiki stabbiliti biex jintlaħqu l-miri tal-politika dwar il-kllima sal-2050.

Ippermettuli nenfasizza wkoll l-importanza tat-tisħiħ tad-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa. Bl-isfidi kollha li għandna quddiemna, ninsab konvinta li se nirnexxu biss jekk ninvolvu liċ-ċittadini Ewropej b’mod awtomatiku. It-tagħlimiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa jridu jingħataw segwitu. Il-KESE jinsab lest li jaqdi rwol ċentrali bħala ċentru għall-parteċipazzjoni futura taċ-ċittadini fl-Ewropa.

U fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, hekk kif noqorbu lejn tmiem l-2022 – is-Sena taż-Żgħażagħ – għal darb’oħra nixtieq nirringrazzja lill-millennials u l-Ġenerazzjoni Z talli jiddefendu l-valuri tal-UE u tal-isforzi kontinwi tagħhom biex jieħdu azzjoni bil-għan li jibnu dinja aħjar, inklużiva u sostenibbli. Din hija r-responsabbiltà komuni tagħna.

Christa Schweng
, President tal-KESE