Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021 għandu xi nuqqasijiet f’dak li jirrigwarda l-ambizzjoni u ċ-ċarezza tiegħu, minkejja l-fatt li prattikament isemmi l-isfidi ewlenin kollha li qed tiffaċċja l-Ewropa.

Ir-riformi strutturali huma mingħajr dubju importanti, iżda l-pjan ta’ rkupru u rikostruzzjoni ppreżentat mid-dokument ta’ pożizzjoni tal-Grupp tal-Ħaddiema u l-kontribut tal-KESE għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2022, għandhom jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar, u l-irkupru tal-impjiegi mitlufa, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli u ż-żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu.

Id-diskors naqas milli jindirizza l-iżvilupp tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Ir-referenza żgħira għall-ġustizzja soċjali u l-ekwità hija riflessa fl-ittra ta’ intenzjoni, fejn il-proposti qajla jmorru lil hinn mill-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-OECD dwar it-tassazzjoni.

Dawn il-ftehimiet jintlaqgħu bi pjaċir, iżda l-Unjoni Ewropea għandha tkun forza mexxejja f’din il-kwistjoni. Huwa ċar li xi Stati Membri se jippruvaw jirreżistu l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, iżda mingħajr azzjoni politika kuraġġuża min-naħa tal-eżekuttiv, mhu se jinkiseb xejn.

L-aħbar dwar il-projbizzjoni tax-xogħol furzat hija ta’ min ifaħħarha. Dan għandu jkollu rabta mad-diliġenza dovuta u l-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, u għandhom isiru aktar proposti biex jiġu indirizzati x-xogħol prekarju u l-apprendistati mingħajr ħlas. Il-miżuri dwar it-tibdil fil-klima huma urġenti iżda daqstant ieħro huma urġenti l-miżuri soċjali li għandhom jakkumpanjawhom: sakemm ma rridux gilets jaunes fl-UE kollha, il-faqar enerġetiku jrid jiġi indirizzat b’mod deċiżiv, u l-fondi u l-azzjoni regolatorja jridu jkunu effettivi u suffiċjenti.

It-triq ’il quddiem hija twila, u ma nistgħux nibqgħu ċassi filwaqt li miljuni ta’ Ewropej qed isibuha diffiċli biex isaħħnu darhom, meta s-sistemi ta’ negozjar kollettiv jiddgħajfu, filwaqt li xi kumpaniji kbar qed jevitaw it-taxxi u l-fjuwils fossili għadhom issussidjati. Ma nistgħux nibqgħu ċassi meta ’l fuq minn nofs id-dinja għadha mhux imlaqqma. Irridu nużaw is-solidarjetà bħala prinċipju gwida biex niżguraw ġejjieni aktar ġust għal kulħadd. (pr)