Il-kriżi tal-coronavirus: Il-KESE jgħid li l-kumpaniji tal-UE għandhom jikkunsidraw mill-ġdid il-mudell ta’ negozju tagħhom

Jeħtieġ li nibdlu l-mod kif nagħmlu n-negozju fl-Ewropa u madwar id-dinja, iżda l-pilastri tal-ġejjieni tagħna għandhom jibqgħu l-għanijiet fit-tul tal-UE għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, minkejja l-kriżi tal-COVID-19. Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE, abbozzata minn Philip von Brockdorff u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-Kumitat jenfasizza li l-kriżi hija opportunità biex nikkunsidraw mill-ġdid u ntejbu l-mod kif il-kumpaniji tal-UE jagħmlu n-negozju. M’għandhiex tkun skuża biex jiġu mminati l-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Istrateġija għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 u fil-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali.

Waqt id-dibattitu fil-plenarja, is-Sur von Brockdorff qal li “minħabba l-problemi ekonomiċi b’riżultat tal-kriżi tal-coronavirus neħtieġu bidla fil-modus operandi tan-negozji fl-UE u madwar id-dinja. Il-ktajjen tal-provvista wrew li huma vulnerabbli u jeħtieġ li jiġu żgurati. L-operaturi tal-UE jeħtieġ li jikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom fir-rigward tal-katina tal-provvista, b’enfasi fuq id-diversifikazzjoni u l-allinjament mill-ġdid tal-ktajjen tal-provvista f’diversi setturi. Hemm ukoll il-ħtieġa għal forma ta’ deglobalizzazzjoni settorjali, tal-anqas għall-kumpaniji tal-UE li jipproduċu prodotti essenzjali, li għandhom jikkunsidraw li jmexxu l-impjanti tal-manifattura tagħhom lura lejn l-Ewropa”.

Sabiex it-tkabbir sostenibbli nagħmluh realtà fis-snin li ġejjin, irridu nerġgħu nagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea billi nżommu f’moħħna l-qofol tas-sostenibbiltà ambjentali, iż-żieda fil-produttività, il-ġustizzja, il-progress soċjali u l-istabbiltà makroekonomika.

Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol aktar prominenti fil-kummerċ dinji. Dan huwa essenzjali għall-kumpaniji tal-UE u l-prospetti tan-negozju tagħhom. Għal ditti globali li joperaw f’suq globali, kundizzjonijiet ekwi f’firxa wiesgħa ta’ aspetti huma essenzjali wkoll, bħal standards internazzjonali tax-xogħol, kompetizzjoni ġusta u konformità mal-miri tat-tibdil fil-klima. (mp)