Il-KESE jħeġġeġ l-iskambju tad-data għall-ekonomija diġitali u kollaborattiva

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jintensifikaw il-koordinazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ taxxa fil-livell Ewropew u internazzjonali fid-dawl tal-ekonomija diġitali u kollaborattiva. Koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki tat-taxxa applikabbli għas-settur ekonomiku l-ġdid u t-tfassil ta’ strumenti u soluzzjonijiet li jaħdmu jistgħu jtejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa, jiżguraw kompetizzjoni ġusta u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta’ dan is-settur ekonomiku ġdid.

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kooperazzjoni eżistenti mal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-UE u l-OECD/G20 dwar din il-kwistjoni, iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’Opinjoni li ġiet adottata mill-plenarja tal-KESE fil-15 ta’ Lulju 2020, biex isibu soluzzjonijiet fil-livell tal-UE jekk ma jintlaħaqx ftehim internazzjonali kif ippjanat sa tmiem l-2020 u ma jkunx mistenni f’futur prevedibbli. Il-Kumitat ippropona obbligi ta’ rappurtar ċari u armonizzati għal negozji diġitali u kollaborattivi u sistema funzjonali u proporzjonata għall-ġbir u l-iskambju tad-data fil-livell tal-UE jekk ftehim internazzjonli jkun waqa’ lura.

Fis-sessjoni plenarja tal-KESE, ir-relatur tal-Opinjoni, Ester Vitali, ġibdet attenzjoni speċjali lejn il-ħtieġa urġenti għal azzjoni. It-tassazzjoni u l-politiki fiskali jeħtieġ li jadattaw għall-iżvilupp kontinwu tal-ekonomija kollaborattiva. L-istituzzjonijiet internazzjonali, Ewropej u nazzjonali jridu jaġixxu b’mod effettiv u rapidu sabiex jindirizzaw l-isfidi li joħloq. Soluzzjoni għandha, preferibbilment, tinstab fil-livell internazzjonali jew saħansitra globali,” qalet is-Sinjura Vitale filwaqt li speċifikat li "ir-regoli u l-mudelli tat-taxxa attwali jridu jiġu adattati għall-ambjent tan-negozju l-ġdid." (mp)