Il-kisba tan-newtralità klimatika se tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tal-UE li tinvolvi ruħha maċ-ċittadini tagħha

Il-kisba tan-newtralità klimatika se tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tal-UE li tinvolvi ruħha maċ-ċittadini tagħha. L-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u ambjentali sar prijorità ewlenija tal-UE. Mit-tibdil fil-klima għall-emerġenza klimatika, jeħtieġ li l-UE tagħmel bidliet sostanzjali biex trawwem ekonomija ta’ benesseri.

Sabiex tindirizza dawn l-isfidi u twettaq dawn il-bidliet, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Patt Ekoloġiku Ewropew u fetħet konsultazzjoni sabiex tiġbor fehmiet dwar modi kif tinvolvi lill-pubbliku fil-Patt Klimatiku Ewropew.

Il-KESE, għalhekk, intalab sabiex jipprovdi gwida dwar kif jiġu żviluppati l-istrutturi eżistenti bħad-djalogi maċ-ċittadini u l-assemblei taċ-ċittadini sabiex jinkiseb l-involviment soċjetali mixtieq flimkien mal-objettivi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, peress li s-suċċess tal-miżuri kollha tal-azzjoni klimatika se jiddependu fuq dan l-impenn ċiviku.

“Fl-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku, il-Kummissjoni għandha opportunità importanti u obbligu biex turi approċċ innovattiv li se jirrifletti, jappoġġja u jispira azzjoni li diġà qed issir fis-soċjetà ċivili, fil-komunitajiet, fil-bliet u fir-reġjuni”, enfasizza Dimitris Dimitriadis, relatur tal-Opinjoni dwar il-Patt Klimatiku Ewropew.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tintroduċi mira ġdida għall-2030 fil-liġi tal-UE permezz tal-proposta dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tistabbilixxi mira legalment vinkolanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050.

“Ma jistax ikun hemm żmien aktar importanti għall-forzi kkombinati tas-soċjetà ċivili u tal-gvern sabiex jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw il-Liġi dwar il-Klima hekk kif qed nimxu lejn l-irkupru wara l-COVID-19. Il-pandemija għenet lil kulħadd jirrealizza li bi sforz nistgħu verament nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti ħafna”, enfasizza Jan Dirx, ir-relatur tal-Opinjoni dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima. (mr)