Il-prevenzjoni tal-HIV, il-kura kontinwa u l-eradikazzjoni tad-diskriminazzjoni jibqgħu essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi globali attwali tas-saħħa pubblika, jafferma l-KESE

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jappoġġja l-isforzi tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE biex l-għan li jiġu eradikati l-istigma u d-diskriminazzjoni relatati mal-HIV sal-2030 jitpoġġa fil-quċċata tal-aġenda tal-UE.

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ġunju, il-KESE sostna li huwa jaqbel li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom joħorġu stqarrija ta’ livell għoli dwar l-eradikazzjoni tal-istigma u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni infettati bl-HIV, li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew sal-1 ta’ Diċembru 2023.

Il-KESE appella wkoll għal mira ġdida u aktar ambizzjuża biex jiġi evitat u kkontrollat it-tixrid tal-infezzjoni tal-HIV, bl-għan li l-livelli ta’ kopertura jitilgħu sa 95% għall-ittestjar, it-trattament u s-soppressjoni viroloġika fin-nazzjonijiet kollha.

“Qed nippruvaw nifhmu x’inhi s-sitwazzjoni tal-HIV wara intervall ta’ aktar minn għaxar snin. Il-kwistjoni ġiet traskurata għal żmien twil wisq”, sostna r-relatur tal-Opinjoni Pietro Barbieri. “Neħtieġu l-akbar impenn possibbli, jeħtieġ li naħdmu flimkien mal-komunitajiet, mat-tobba, mal-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol”.

Huwa importanti li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-individwi bl-HIV fil-post tax-xogħol, fosthom ħinijiet flessibbli tax-xogħol u liv estiż għal żjarat mediċi. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ, u t-tixrid ta’ informazzjoni fl-iskejjel, fis-soċjetà ċivili, u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma essenzjali biex jiġu miġġielda l-istigma u d-diskriminazzjoni.

“Minkejja t-tnaqqis fl-għadd ta’ dijanjożijiet tal-HIV, jeħtieġ li ma nkunux inqas viġilanti. Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-infezzjoni, id-dijanjożi bikrija, il-bidu bikri tat-terapija u l-kontinwità tal-kura huma essenzjali”, qalet il-korelatur tal-Opinjoni, Nicoletta Merlo.

L-HIV għadu kwistjoni ewlenija tas-saħħa pubblika madwar id-dinja kollha, li jaffettwa aktar minn 36 miljun persuna, li 2.3 miljun minnhom jgħixu fir-Reġjun Ewropew tad-WHO. Ir-reġjuni tal-Lvant tal-kontinent Ewropew huma affettwati b’mod partikolari, u l-Ukrajna hija l-pajjiż bit-tieni l-akbar epidemija tal-AIDS fir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Asja Ċentrali.

L-HIV primarjament jaffettwa gruppi marġinalizzati bħal persuni li jieħdu d-droga, irġiel li jkollhom rapport sesswali ma’ rġiel oħra, persuni transġeneri, migranti, u priġunieri. L-istigma u l-biża’ jiskoraġġixxu lill-individwi milli jfittxu s-servizzi, li jirriżulta f’ittestjar u dijanjożi mdewma, b’aktar minn 50% iseħħu fi stadju avvanzat. Dan iżid ir-riskju ta’ trażmissjoni u ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati, speċjalment f’żoni fejn m’hemmx trattament adegwat għall-AIDS.

Strateġiji komprensivi li jintegraw il-kura u l-prevenzjoni, flimkien ma’ metodi ta’ ttestjar innovattivi bħal ittestjar rapidu u awtottestjar, huma kruċjali biex tiġi miġġielda l-epidemija. (ll)