L-UE trid tagħmel aktar għall-irkupru mill-pandemija tal-coronavirus u għandha tagħmel dan malajr, filwaqt li turi solidarjetà u viżjoni ambizzjuża għall-ġejjieni tal-Ewropa. Fi tliet Opinjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju u dokument ta’ pożizzjoni, il-Kumitat jagħti l-appoġġ tiegħu u jappella għal approvazzjoni rapida tal-proposti ta’ rkupru mressqa mill-Kummissjoni Ewropea, inkluż il-baġit tal-UE rivedut għall-2021–2027.
B’mod partikolari, sabiex l-ekonomija Ewropea terġa’ tingħata l-ħajja malajr kemm jista’ jkun, l-Opinjoni abbozzata minn Petru Sorin Dandea, Tommaso Di Fazio u Petr Zahradník tappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni, Next Generation EU, bħala għodda speċifika għal azzjoni fil-pront u effettiva. B’referenza għall-politika ta’ koeżjoni, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni REACT-EU u, fid-dokument ta’ pożizzjoni li sar minn Antonello Pezzini, jirrakkomanda li jitneħħew l-ostakli u l-piżijiet amministrattivi kollha possibbli u bla bżonn, kemm fl-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali kif ukoll f’dawk Ewropej, u li l-Istati Membri jingħataw prefinanzjament minnufih b’tal-anqas 70 % tar-riżorsi għas-sena 2020.
Bil-ħsieb li jiġu appoġġjati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-Opinjoni abbozzata minn Dimitris Dimitriadis tappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE wara l-kriżi tal-COVID-19 billi tipprovdi appoġġ finanzjarju dirett fuq skala kbira lill-Istati Membri għall-investiment pubbliku u r-riformi. Fl-aħħar nett, fl-Opinjoni ta’ Ronny Lannoo, il-KESE jilqa’ t-tisħiħ propost tal-programm InvestEU u l-ħolqien ta’ Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza komplementari bħala għajnuna lill-kumpaniji fl-istadju ta’ rkupru. (mp)