Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Fit-22 ta’ Ġunju, il-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE organizza konferenza bit-titolu Civil Society Organisations Helping Refugees and Migrants in Europe (Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Għajnuna lir-Refuġjati u lill-Migranti fl-Ewropa), b’taħlita ta’ attendenza mill-bogħod u preżenza fiżika fuq il-post.

L-avveniment kellu l-għan li juri r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-isfidi ta’ kuljum li jiffaċċjaw fl-għajnuna li joffru lir-refuġjati u lill-migranti. Il-konferenza fittxet ukoll li tiffoka mill-ġdid l-attenzjoni politika fuq il-kwistjoni u toffri forum għal diskussjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari bħala parti mill-irkupru u l-bini mill-ġdid tal-UE wara l-COVID-19.

Fl-ewwel panel, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn erba’ pajjiżi (il-Greċja, l-Italja, iċ-Ċekja u l-Iżvezja) kienu mistiedna jippreżentaw l-esperjenzi prattiċi tagħhom fl-għajnuna li joffru lir-refuġjati u lill-migranti mal-wasla tagħhom biex jivvjaġġaw madwar l-Ewropa u biex jintegraw fl-Istati Membri tal-UE.

Fit-tieni panel, Michael Shotter, Direttur fid-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, u Erik Marquardt, membru tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (Ħodor/AĦE, il-Ġermanja), irrappreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew rispettivament. Il-membru tal-Bureau Rossella Nicoletti (EUROCITIES) irrappreżentat lill-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni.

Pavel Trantina, Viċi President tal-Grupp Diversità Ewropa, ġabar fil-qosor id-diskussjonijiet tal-ewwel panel, fejn enfasizza l-isfidi li jiffaċċjaw dawn l-organizzazzjonijiet f’ħidimithom ta’ kuljum, fosthom in-nuqqas ta’ rispett lejn ir-refuġjati u l-organizzazzjonijiet li jgħinuhom, infrastruttura mhux adegwata, nuqqas ta’ sostenn edukattiv u psikoloġiku suffiċjenti, nuqqas ta’ linji gwida ċari mill-Istati Membri u burokrazija eċċessiva. In-nuqqas ta’ finanzjament flimkien man-networks ta’ faċilitazzjoni ta' dħul klandestin fil-fruntieri huma fost l-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Séamus Boland, il-president elett tal-Grupp Diversità Ewropa, għalaq il-konferenza billi enfasizza il-prezz uman għoli għall-migranti li jippruvaw jaslu l-Ewropa u l-importanza tal-koeżjoni soċjali, ir-rispett għad-dinjità tagħhom u t-turija ta’ solidarjetà magħhom.

Il-president elett iddikjara li l-Grupp Diversità Ewropa se jkompli b’ħidmitu dwar dan is-suġġett u se jikkoopera mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li qajmu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’dan il-qasam.

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok żur is-sit web tal-avveniment. (jk)