European Economic
and Social Committee
Tatjana Babrauskienė: “Jekk din il-kwarantina m’għamlet xejn, tat lin-nies il-ħin li jistrieħu u jaħsbu dwar kemm huma importanti r-relazzjonijiet tagħna.”
Tatjana Babrauskienė hija membru Litwana tal-KESEu tat-Trade Union Litwana tal-Edukazzjoni u x-Xjenza. KESE Info talabha taqsam ħsibijietha dwar il-COVID-19 mill-perspettiva ta’ pajjiżha.
Kif esperjenzajt il-lockdown?
Kienet esperjenza unika, li inkludiet ammont kbir ta’ ansjetà u mewġ ta’ paniku kull darba li fl-aħbarijiet kien hemm li dan kien virus li kien qiegħed jinfirex madwar id-dinja b’mod inkontrollabli.
Fl-istess ħin, konna qisna qegħdin ngħixu bil-mod ħafna f’dinja fejn kollox inbidel mil-lejl għan-nhar, u spiċċajna b’normalità ġdida.
L-organizzazzjoni tiegħi rċeviet ħafna u ħafna messaġġi elettroniċi mill-membri u l-għalliema li ħassewhom mitlufa u li kellhom bżonn l-appoġġ. Ħloqna paġna web b’informazzjoni dwar il-COVID-19 b’rakkomandazzjonijiet, pariri legali u informazzjoni utli oħra, u “ paġna b’pariri u għodod għat-tagħlim elettroniku.
Dan kollu żammna attivi għax konna nafu li ħafna nies kienu qed jistrieħu fuqna u jiddependu minna.
X’immissjajt l-iktar matul dan iż-żmien diffiċli?
Li niltaqa’ ma’ sħabi u mal-kollegi u l-iktar mal-maħbubin tiegħi.
Ħu l-Għid, pereżempju. Tradizzjonalment inqattgħu l-Għid mal-familja estiża tagħna. Din is-sena bħas-soltu penġejna l-bajd u sajjarna platti speċjali, iżda ma kienx hemm burdata festiva fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna.
B’xorti tajba stajna noħorġu mid-dar għal mixja jew biex nagħmlu l-eżerċizzju, waħidna jew mal-membri tal-familja, u jien approfittajt minn dan ta’ spiss.
X’tagħlimiet jistgħu jinsiltu mil-lockdown?
Matul il-kwarantina ħloqna prattiki ġodda hekk kif użajna ħafna l-internet. Issa naraw jekk dan hux se jkun mod regolari ta’ kif naħdmu u nikkomunikaw, u jekk aħniex se nbidlu l-frekwenza u t-tul tal-laqgħat tagħna mal-kollegi u ma’ sħabna.
Il-lockdown kien parzjalment ukoll esperiment edukattiv, li ttestja kif l-istudenti jaħdmu fi klassijiet ta’ tagħlim online meta mqabbla mal-klassijiet fl-iskejjel. Sfortunatament, dan żied ukoll l-inugwaljanza, u għadna rridu naraw jekk wara l-kriżi l-iskejjel jistgħux jirritornaw għal kif kienu qabel.
Il-bidla diġitali wriet li tinkludi riskju ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età, it-tixrid ta’ teoriji ta’ konfoffa u ż-żieda fil-fake news hekk kif in-nies jippruvaw isibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti: x’inhu jiġri, min hu responsabbli u x’inhuma r-raġunijiet għal dan? Min-naħa l-oħra, illum it-teknoloġija tippermetti li timmonitorja lil kulħadd kull ħin. Dan kif jista’ jħalli impatt fuq il-ħajja personali tagħna? M’għandniex nitpoġġew f’pożizzjoni li jkollna nagħżlu bejn il-privatezza u s-saħħa.
L-aħbar it-tajba tal-lockdown hija li l-waqfien mill-attività tal-bniedem qed tagħmel differenza fit-tibdil fil-klima u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-tibdil tal-attitudnijiet tan-nies jistgħu jsiru aktar realtà.
X’tama hemm għal dawk li l-impjiegi tagħhom huma mhedda?
Il-ħaddiema ma ntlaqtux l-istess bil-lockdown. Dawk li l-impjiegi tagħhom ma kienux essenzjali u/jew li ma setgħux isiru mid-dar iffaċċjaw l-akbar telf fl-introjtu u tilfu l-aktar impjiegi.
L-insigurtà tal-impjieg u l-paga huma korrelatati mal-livelli tal-edukazzjoni, u għalhekk jeħtieġ li nsaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna u nipprovdu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid meħtieġa għal dawk kollha fil-bżonn. Irridu niżguraw li noħorġu minn din il-kriżi aktar b’saħħitna u ppreparati aħjar għall-futur, ikun xi jkun.
Hemm xi nies li tixtieq tara iżda li s’issa ma stajtx tagħmel dan?
Il-ħbieb u l-kollegi barranin tiegħi. Iġri niltaqa’ magħhom u naħdem magħhom mingħajr ma ninkwieta dwar il-maskri, it-tbegħid soċjali u s-sanitizzaturi tal-idejn.
Il-Litwanja għamlet biċċa xogħol tajba mhux biss biex niċċattjaw il-kurva, iżda saħansitra biex ngħaffġuha. Il-ħajja soċjali tagħna hija (kważi) lura għan-normal. Iżda f’xi pajjiżi s-sitwazzjoni ma tidhirx daqshekk stabbli. Verament nispera li l-affarijiet imorru għall-aħjar għalihom malajr kemm jista’ jkun.
Jekk din il-kwarantina m’għamlet xejn, tat lin-nies il-ħin li jistrieħu u jaħsbu dwar kemm huma importanti r-relazzjonijiet tagħna.