European Economic
and Social Committee
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: tamiet u riskji għal futur li jista’ jintemm kmieni wisq
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija tassew okkażjoni speċjali, mument kruċjali għat-tiswir tant meħtieġ ta’ sfera pubblika Ewropea ġenwina. Li jintlaħqu ċ-ċittadini, l-involviment tas-soċjetà ċivili, tat-trade unions, u tal-organizzazzjonijiet tan-negozju huwa fundamentali għas-suċċess tagħha. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi, li jvarjaw mid-demokrazija Ewropea għall-ġustizzja soċjali, mill-impjiegi għall-ambjent, mill-migrazzjoni għat-tibdil fil-klima, huma sfidi ewlenin tal-preżent u tal-futur għall-kontinent tagħna u għall-pajjiżi tagħna.
Din l-aġenda ambizzjuża bir-raġun toħloq aspettattivi. Madankollu, it-tama hija xabla li taqta’ miż-żewġ naħat, u jekk dawn it-temi l-kbar ma jiġux trasformati f’dibattiti reali u proposti prattiċi, u ma jirnexxilhomx jinvolvu liċ-ċittadini lil hinn mill-bużżieqa ta’ Brussell u jinvolvu liċ-ċittadini u lill-ħaddiema madwar l-Ewropa fi djalogu, it-tama malajr tista’ tinbidel f’diżappunt. Dan jirriskja li jżid il-klima ta’ skuntentizza li tirriżulta miż-żieda fl-estremiżmu u l-populiżmu. Id-diskussjoni politika hija proċess twil, b’mod partikolari jekk iċ-ċittadini ordinarji jintalbu jiddiskutu kwistjonijiet kumplessi ħafna. Għalkemm din, għal darb’oħra, hija opportunità, il-perjodu qasir previst għall-Konferenza kollha, u l-kontenut fil-qosor li kien disponibbli s’issa, li huwa limitat għal deskrizzjoni qasira tas-sessjoni plenarja inawgurali, iwissuna li hemm ir-riskju li l-Konferenza tintemm mingħajr ma jkun inkiseb ħafna għajr serje ta’ ideat u dikjarazzjonijiet ġenerali.
Parti fundamentali tal-Konferenza huma l-panels taċ-ċittadini Ewropej, li ntgħażlu b’mod każwali miċ-ċittadini minn madwar l-Istati Membri sabiex ikunu kampjun rappreżentattiv taċ-ċittadinanza tagħna. Madankollu, għalkemm l-ewwel panel se jsir f’Settembru, għad ma hemmx informazzjoni dwar x’se jiġi diskuss eżattament, peress li r-riżultati tal-ewwel rapport interim, li sar minn kuntrattur estern abbażi ta’ kontributi online, għadu ma ġiex ippubblikat. Dan bla dubju għandu l-potenzjal li jġib ideat esterni fid-diskussjoni politika, iżda jippreżenta wkoll riskju li jiġu diskussi kwistjonijiet wisq differenti jew li jiġu injorati oħrajn fundamentali, skont il-parteċipazzjoni online fix-xhur ta’ qabel u l-kriterji tal-kuntrattur estern. Peress li t-tmiem tal-Konferenza huwa f’Marzu, u hemm skedati tliet laqgħat biss għal kull panel, hemm riskju serju ta’ dissipazzjoni. Kwistjoni fundamentali oħra, b’mod partikolari min-naħa rappreżentattiva tal-proċess politiku, hija dik tal-Gruppi ta’ Ħidma Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-plenarji, li fihom se jkunu involuti l-membri tal-KESE. Qiegħed joqrob il-jum meta dawn għandhom jinbnew, iżda ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli ħlief it-titoli tal-gruppi.
Sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tagħha u jkollha impatt lil hinn mill-bużżieqa ta’ Brussell, il-Konferenza jeħtiġilha tiżviluppa pożizzjonijiet u proposti tanġibbli, u tippermetti li jkun hemm diskussjoni u kollaborazzjoni bejn in-naħa rappreżentattiva u dik parteċipattiva tad-demokrazija. Bħala trejdjunjonisti, se nagħmlu l-almu tagħna biex dan iseħħ, u biex niżguraw li ċ-ċittadini u l-ħaddiema jitpoġġew l-ewwel, iżda għal dan jeħtieġ li l-fluss tal-informazzjoni jkun aktar trasparenti, u jeħtieġ li jingħata aktar ħin. (ppr)