Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Pjan ta’ azzjoni propost tal-UE dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali. Il-pjan ta’ azzjoni jista’ jsaħħaħ l-awtonomija strateġika u s-sovranità teknoloġika tal-Ewropa, itejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini u jagħti spinta lill-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Għaldaqstant, il-KESE jitlob għall-implimentazzjoni rapida, qawwija u ambizzjuża tal-11-il azzjoni mniżżlin fil-Pjan.

Il-KESE adotta Opinjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali, fejn esprima l-fehma tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li huwa maħsub biex itejjeb is-sinerġiji bejn l-istrumenti ffinanzjati mill-UE, filwaqt li jiffaċilita l-arrikkament reċiproku bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali.

Waħda mill-aktar innovazzjonijiet importanti u dejjiema fl-industrija tal-karozzi bdiet fl-industrija tad-difiża hawnhekk fl-Ewropa. Wara li ħadem fuq sedili li jisparaw ’il barra f’ajruplani tal-ġlied għal kumpanija ajrunawtika Ewropea, Nils Ivar Bohlin, inġinier mekkaniku Żvediż, iddiżinja ċinturin tas-sikurezza ġdid għal kumpanija Ewropea tal-karozzi. Ispirat mill-arness użat mill-piloti tal-ġettijiet, iċ-ċinturin tas-sigurtà bi tliet punti sar standard globali fl-industrija tal-karozzi u salva aktar minn miljun ħajja mill-introduzzjoni tiegħu.

Il-KESE jqis il-Pjan ta ’Azzjoni bħala pilastru fl-istrateġija industrijali tal-UE, u dan l-eżempju juri kif jista’ jiżgura arrikkament reċiproku bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali u jista’ jiffoka fuq it-titjib tar-rabta kruċjali bejn l-ispazju, id-difiża u s-sigurtà.

"Fost affarijiet oħra, prijorità ewlenija minnhom għandha tkun l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali ġodda u teknoloġiji emerġenti oħra fid-difiża u s-sigurtà", qal ir-relatur għall-Opinjoni, Manuel Garcia Salgado. “Biex dan jiġi ffaċilitat, għandu jiġi żgurat li l-inizjattivi ċivili rilevanti jieħdu kont mill-bidu nett tar-rekwiżiti ta’ difiża u sigurtà; dan jgħin ukoll biex jiġu ottimizzati l-ambitu u l-effiċjenza ta’ strumenti ta' finanzjament speċifiċi għad-difiża u għas-sigurtà.”

Id-diversità hija essenzjali għall-innovazzjoni, inkluż fl-industriji tad-difiża u spazjali. Il-KESE għalhekk jitlob għal inklużjoni akbar ta’ nisa u żgħażagħ, permezz ta’ politiki ta’ reklutaġġ, żamma tal-persunal u promozzjoni.

“L-Ewropa llum hija mexxejja globali fit-teknoloġija, iżda din it-tmexxija qed tiġi sfidata dejjem aktar b’investiment massiv mill-Istati Uniti u ċ-Ċina f'teknoloġiji diġitali ġodda u oħrajn emerġenti bħal IA, IoT, Blockchain, eċċ.”, kgħid il-korelatur, Jan Pie. “Dan jisfida l-kompetittività tal-Ewropa, iżda wkoll l-awtonomija tagħha f’setturi strateġiċi bħas-sigurtà jew id-difiża.”

“Is-suġġett huwa definittivament eżempju ta’ kif tista’ tfittex il-kisba ta’ sovranità teknoloġika b'saħħitha u mhux aggressiva”, jgħid Pietro de Lotto, president tal-Kummissjoni Konsultattiva tal-KESE dwar il-Bidla Industrijali. (ks)