European Economic
and Social Committee
Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali tant mistenni
Filwaqt li l-KESE jemmen li miżuri aktar b’saħħithom f’erba’ oqsma speċifiċi jagħmlu l-pjan aktar effettiv, bi pjaċir jinnota li ħafna mill-proposti tiegħu ġew adottati.
F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Mejju, il-KESE ta l-appoġġ tiegħu lill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea, li jindirizza ħafna mill-proposti li l-KESE għamel għal aktar minn għaxar snin.
“Ninsabu ħerqana li naraw li dan il-pjan tant mistenni jiġi adottat, iżda l-ħidma għadha kif bdiet,” qal ir-relatur tal-Opinjoni Giuseppe Guerini. “Issa wasal iż-żmien li dan il-pjan jiġi implimentat b’miżuri kuraġġużi u fit-tul. Il-KESE għandu ħafna proposti innovattivi u konkreti biex jiżgura li l-potenzjal tal-ekonomija soċjali jiġi sfruttat bis-sħiħ f’kemm jista’ jkun Stati Membri tal-UE”.
Fil-pjan, il-KESE jidentifika erba’ oqsma ewlenin fejn jemmen li jistgħu jittieħdu miżuri aktar b’saħħithom:
• Forom aktar aġli ta’ kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jaħdmu flimkien lokalment fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, b’distinzjoni ċara fid-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku bejn it-twettiq tal-interess ġenerali u l-attivitajiet immexxijin mill-kompetizzjoni.
• Azzjoni regolatorja, possibbilment fil-forma ta’ linji gwida, biex jiġu ċċarati r-rekwiżiti għall-aċċess għall-għajnuna mill-Istat u l-ammont ta’ appoġġ disponibbli għall-Istati Membri, sabiex ikunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà kollha disponibbli biex jgħinu lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Mhux se jkun biżżejjed li jiġu organizzati sessjonijiet ta’ ħidma u webinars, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni.
• Sistema ta’ krediti u self garantiti, kif diġà tinsab fis-seħħ għall-SMEs madwar l-UE, stabbilita mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-UE. Huwa tajjeb ħafna li jitnedew prodotti finanzjarji ġodda biex jiġi mobilizzat il-finanzjament privat għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, iżda ħafna minnhom jeħtieġu appoġġ biex jiksbu aċċess biss għall-kreditu ta’ kuljum.
• Huwa tajjeb li tiġi applikata tassazzjoni speċifika għall-ekonomija soċjali, iżda l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu akkumpanjati fit-triq lejn armonizzazzjoni fiskali kkoordinata, forsi ispirata minn prattiki tajbin f’xi wħud minnhom, bħal eżenzjonijiet mit-taxxa fuq profitti mhux distribwiti, rati tal-VAT aktar baxxi, tnaqqis jew eżenzjonijiet mill-ispejjeż tal-assigurazzjoni soċjali. (dm)