Fis-17 ta’ Ġunju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) tiegħu kellhom dibattitu mqanqal fejn eżaminaw il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata wara l-pubblikazzjoni tal-Aġġornament tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istrateġija Industrijali Ġdida. Id-dibattitu, li huwa l-ewwel wieħed f’sensiela ta’ attivitajiet konġunti mis-sezzjonijiet tal-KESE dwar is-suġġett, staqsa jekk l-istrateġija aġġornata fihiex biżżejjed elementi biex jissaħħu r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-industrija tal-UE. 

Fil-5 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni aġġornat l-Istrateġija Industrijali tal-UE sabiex tassigura li l-ambizzjoni industrijali tagħha tieħu kont sħiħ taċ-ċirkostanzi l-ġodda wara l-kriżi tal-COVID-19 u fit-trasformazzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, diġitali, reżiljenti u kompetittiva globalment.

Il-President tas-CCMI, Pietro Francesco De Lotto, li ppreseda d-dibattitu, qal: “Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat ħafna proċessi li kienu diġà għaddejjin. Il-ħeffa li biha s-soċjetà u l-industrija kellhom jadottaw proċessi ta’ diġitalizzazzjoni f’dawn l-aħħar 16-il xahar hija mingħajr preċedent u l-bidliet li esperjenzajna huma rivoluzzjonarji, l-ewwel bil-ktajjen tal-provvista, imbagħad b’tagħmir mediku u wara dan, bil-vaċċini. ''

Il-President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum (INT), Alain Coheur, li kien kopresident tad-dibattitu, iddeskriva l-kuntest tal-ħidma tat-tieni panel, fejn qal: ’Il-kriżi ġabet kwistjonijiet oħra fuq il-mejda li ma ssemmewx fl-ewwel Komunikazzjoni dwar l-istrateġija industrijali f’Marzu 2020. Irridu naraw din il-kriżi bħala opportunità biex iż-żona Ewropea tingħata awtonomija industrijali”.

Antony Whelan, konsulent diġitali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, ippreżenta l-għodod tal-Kummissjoni li jkejlu d-dipendenza tal-UE, u qal: “Fl-eżerċizzju tagħna minn isfel għal fuq identifikajna għadd limitat ħafna ta’ żoni fejn l-UE kollha kemm hi hija f’sitwazzjoni ta’ dipendenza inkwetanti.”

Il-KESE ser jorganizza sensiela ta’ dibattiti dwar l-istrateġija industrinali: seba’ webinars, li jibdew b’dak attwali fis-17 ta’ Ġunju. Dibattitu ta’ għeluq ta’ livell għoli huwa ppjanat għal Marzu 2022. (ks)