minn Johan Strid, Direttur tal-Ocean Race Summit

“Għala kompetizzjoni tal-ibburdjar – l-Ocean Race – trid tgħin tixpruna politiki ġodda u mtejba biex jiġu indirizzati wħud mill-iżjed kwistjonijiet urġenti li qed tiffaċċja l-pjaneta tagħna?” Ta’ spiss ikolli dil-mistoqsija, u t-tweġiba tiegħu hi li lkoll għandna nagħmlu dak li nistgħu biex intejbu s-saħħa tal-pjaneta u, għalina b’mod iżjed speċifiku, il-post tad-divertiment tagħna: l-oċean.

Għandna oċean wieħed biss, iżda l-mod li bih jiġi protett u ggvernat huwa frammentat. Meta ma’ dan inżidu l-impatt tat-tibdil fil-klima, qed nitħaddtu dwar sitwazzjoni disastruża għad-dinja marittima tagħna. Il-baħrin fl-Ocean Race esperjenzaw l-oċean, u l-fatt li sejjer lura, iżjed mill-biċċa l-kbira tan-nies fuq il-pjaneta. Neħtieġu b’mod urġenti li noħolqu sistema aħjar, u fil-qalba tagħha għandu jkun hemm il-kollaborazzjoni.

Se neżaminaw jekk hux possibbli li jkollna oċean protett u ġestit aħjar jekk nagħtuh id-drittijiet legali proprji tiegħu, u l-ispirazzjoni tagħna għal dan huwa l-istudju radikali tal-KESE Lejn Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tan-Natura.

L-Ocean Race tirrappreżenta l-aħrax sfida fid-dinja f’dak li jirrigwarda d-dinamika ta’ tim f’attività sportiva. Nistgħu nisfruttaw id-determinazzjoni ta’ din l-isfida – li teħodna madwar id-dinja – biex nindirizzaw il-ħtieġa għal politiki globali mtejba dwar l-oċeani. M’aħniex gvern, NGO, istituzzjoni akkademika jew negozju. Aħna kompetizzjoni sportiva. Dan jagħtina pjattaforma indipendenti u fuq skala wiesgħa li fiha nistgħu nlaqqgħu flimkien nies mis-setturi kollha tas-soċjetà fi djalogu dwar soluzzjonijiet għall-oċean. Għal din ir-raġuni norganizzaw l-Ocean Race Summits.

Sal-lum il-ġurnata, organizzajna 11-il summit, u l-iżjed wieħed reċenti sar fis-16 ta’ Ġunju u ffoka fuq l-Ewropa, bil-parteċipazzjoni ta’ Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni tal-UE; Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE; u Virginijus Sinkevičius, Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd.

Qabel Settembru 2023, se norganizzaw tmien summits fi nħawi ewlenin fil-kontinenti kollha. Dawn se jlaqqgħu flimkien atturi globali mill-gvern, ix-xjenza, l-industrija, l-NGOs, il-midja u l-isport, flimkien ma’ sostenituri ddedikati tal-oċeani, biex jixprunaw soluzzjonijiet u impenji biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw l-ibħra tagħna. Qed nużaw metodi ta’ ħidma innovattivi li jisfruttaw il-motivazzjoni, il-kompetenza u l-kreattività mill-parteċipanti kollha fil-Laboratorji ta’ Azzjoni tagħna. Din is-sensiela ta’ avvenimenti ta’ livell għoli se twassal għal katalgu ta’ proposti għal politiki globali mtejba dwar l-oċeani, abbażi tad-drittijiet tal-oċeani.

Apparti s-summits, l-Ocean Race qed tixpruna programm dwar is-sostenibbiltà li rebaħ diversi premji, abbażi tal-fatt li għandna r-responsabbiltà li nintegraw is-sostenibbiltà fil-qalba tal-operat tagħna u nħallu warajna legat pożittiv għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-programm ta’ tagħlim tagħna jgħallem lit-tfal u liż-żgħażagħ kif jgħinu lill-oċean. It-tagħmir xjentifiku fuq id-dgħajjes parteċipanti jikkontribwixxi b’data siewja. Meta nieqfu xi mkien, nipprojbixxu l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, nagħżlu ikel sostenibbli u noħolqu strateġija responsabbli dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u nimmiraw li jkollna enerġija li tkun 100% sostenibbli.

Irridu nuru lid-dinja li mhux biss huwa possibbli li jkun hemm avveniment sportiv globali li jkun sostenibbli, iżda wkoll li huwa impossibbli li ma nkunux sostenibbli.

Il-KESE huwa msieħeb prezzjuż ħafna għalina. Intom tirrappreżentaw is-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa u għandkom vuċi meta l-UE tkun qed tieħu d-deċiżjonijiet. Il-pjattaforma tagħkom tlaqqa’ fi ħdanha ħafna minn dak li rridu niksbu permezz tal-Ocean Race Summits, punt fejn jiltaqgħu l-forzi kollha li jridu jikkontribwixxu għal oċean aktar b’saħħtu, li jirrappreżentaw il-fergħat kollha tas-soċjetà globali. Nittama li flimkien nistgħu nibnu fuq dak li għamilna flimkien fl-Ocean Race Summit tal-Ewropa u nikkooperaw biex niżguraw li l-gvernijiet, il-kumpaniji, l-NGOs u l-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom fir-rigward tal-oċean. In-network globali tan-negozji, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet tal-KESE u l-membri tiegħu huma assi importanti ħafna fil-ħidma favur oċean b’saħħtu. Il-ħidma tagħkom dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tan-Natura tirrappreżenta bażi eċċellenti biex ilkoll insejsu l-ħidma tagħna fuqha.

Aħna grati għall-kooperazzjoni mal-KESE u nittamaw li nkomplu naħdmu flimkien biex niksbu r-rikonoxximent legali globali għad-drittijiet tan-natura u tal-oċeani.