Billi l-kanċer huwa mistenni li jsir il-kawża ewlenija tal-mewt fl-UE, il-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer huwa ċertament f’waqtu. Il-KESE jilqa’ dan il-pjan li huwa pass importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer. Madankollu, forom mhux solvuti ta’ inugwaljanza reġjonali u soċjali jfissru li għad hemm lok għal titjib.

Il-KESE jappoġġja b’mod qawwi l-pjan il-ġdid tal-Kummissjoni ta’ EUR 4 biljun biex tiffinanzja l-azzjoni fir-rigward tal-kanċer, l-ewwel dokument ta’ strateġija mill-1990 li tiffoka fuq il-ġlieda kontra din il-marda kiefra.

“L-UE teħtieġ Pjan Marshall ġdid għall-onkoloġija, u dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. M’għandhiex naħlu din l-opportunità”, enfasizzat Malgorzata Anna Bogusz, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer.

“Il-pjan huwa adatt għall-miri li huwa mfassal għalihom billi jkopri ħafna mill-aspetti ewlenin tal-ġlieda kontra l-kanċer,” qalet Milena Angelova, korelatur tal-Opinjoni.

Il-mortalità u l-morbidità tal-kanċer huma korrelatati mat-tip ta’ kanċer, mal-post fejn jinsab il-pazjent u mad-diżlivell soċjali. L-attenzjoni trid tkun iffokata fuq differenzi fl-infrastruttura reġjonali u fl-iżbilanċi soċjali f’termini ta’ impjieg u ġeneru.

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ikunu proattivi, u jenfasizza l-ħtieġa għal prevenzjoni effettiva tal-forom ta’ kanċer okkupazzjonali, u jappella għal aktar riċerka dwar l-esponiment għall-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali u l-kawżi tal-kanċer okkupazzjonali, b’mod partikolari fin-nisa.

L-aħħar iżda mhux l-inqas, l-Opinjoni tenfasizza r-rwol ewlieni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fejn jirrigwarda s-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ kampanji dwar stil ta’ għajxien f’saħħtu. (at)