Meta konna qed niċċelebraw is-Sena l-Ġdida mal-ħbieb u l-familja, u qed nagħmlu x-xewqat u l-pjani għall-2022, ħadd fid-dinja ma stenna li ħajjitna se tinbidel b’mod daqshekk drammatiku fi ftit xhur biss.

Fl-2014 kien l-ewwel darba li l-Ukrajna saqfet wiċċha ma’ gwerra minn mindu ħadet l-indipendenza.

Matul ir-Revoluzzjoni tad-Dinjità, aktar minn 100 persuna nqatlu b’tir fil-pjazza prinċipali, il-Pjazza tal-Indipendenza. Imbagħad kien hemm l-invażjoni ta’ Donbas u l-annessjoni tal-Krimea. Fl-2014 is-soċjetà ċivili Ukrena nbidlet b’mod sinifikanti: il-voluntiera marru fejn l-aktar kien hemm bżonn, u għenu lill-persuni spostati internament kif ukoll appoġġjaw lis-suldati midruba. Ħsibna li dawk kienu l-agħar ġranet tal-istorja tagħna, iżda kellna żball.

Fl-2014, is-soċjetà tagħna prattikament ma baqgħetx maqsuma dwar jekk għandniex nissieħbu mal-UE jew le. L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni qabel l-invażjoni fi Frar 2022 wera li perċentwal sinifikanti tal-Ukreni, jiġifieri 68 %, kienu favur is-sħubija fl-UE għall-Ukrajna; l-appoġġ kiber għal 86 % eżatt wara l-invażjoni u laħaq il-91 % sal-aħħar ta’ Marzu – rekord assolut!

Dan l-appoġġ massiv huwa reazzjoni għal dak li kienet qed tagħmel is-soċjetà ċivili tal-UE biex tgħin. Hija mmobilizzat immedjatament u ħeġġet lill-gvernijiet tal-UE biex jieħdu deċiżjonijiet rapidi. Ir-rwol tal-voluntiera, li ilhom jaħdmu sa mill-ewwel sigħat tal-invażjoni, kien enormi. Is-superpotenza tagħhom hija li jistgħu jsibu soluzzjonijiet rapidi għal kwalunkwe problema, minn munizzjon u drones għal mediċini u ħwejjeġ għar-refuġjati. Il-mewġa ta’ dimostrazzjonijiet u l-għadd kbir ta’ bnadar sofor u blu mxejra fl-UE kollha kienu inkredibbli. Meta staħbejna fix-xelters, sibna s-saħħa fir-ritratti tan-nies madwar id-dinja kollha jappoġġjaw lill-Ukrajna.

Il-maġġoranza tal-imsieħba tagħna bdew iċemplulna eżatt wara l-aħbar tagħmel attakki massivi mill-ajru fuq l-Ukrajna kollha u staqsewna: “kif nistgħu ngħinu?”. Irċevejna ħafna għajnuna, iżda għandna bżonn iktar.

L-armata għandna bżonn soluzzjonijiet innovattibi u teknoloġiji biex tirbaħ il-battalja; it-tobba tal-ispeċjalizzazzjonijiet kollha għandhom bżonn tagħmir kontemporanju u persunal biex jgħinu lis-suldati u lin-nies ċivili midruba; il-voluntiera għandhom bżonn saħansitra iktar kuntatti madwar id-dinja kollha; eċċ.

Iżda neħtieġu wkoll viżjoni strateġika tal-proċess ta’ rkupru tal-Ukrajna, u hawnhekk jaqdu rwol kruċjali l-isforzi komuni tad-dinja demokratika biex jinbena stat b’saħħtu u sigur u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi fil-kostruzzjoni, l-organizzazzjoni tal-infrastruttura, l-appoġġ lin-negozju u lix-xjenza, il-bini tal-kapaċità għall-istituzzjonijiet ta’ livelli differenti, eċċ.

Kemm l-Ukreni kif ukoll l-UE tgħallmu lezzjonijiet tassew ċari minn din il-gwerra:

- xi sitwazzjonijiet jeħtieġu soluzzjonijiet urġenti, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet komuni ta’ sigurtà.
Il-gwerra bdiet fl-2014 u l-Ukreni ilhom 8 snin jispjegaw il-periklu ta’ relazzjonijiet mill-qrib mar-Russja, id-dipendenza mir-riżorsi tal-enerġija Russi u prodotti oħra minn pajjiż li jonfoq l-introjtu tiegħu fuq it-terroriżmu u atti ta’ massakru. Madankollu, la l-Ukrajna u lanqas l-UE ma kienu lesti għal tali invażjoni krudili u fuq skala sħiħa, inkella t-tnejn konna nuru aktar determinazzjoni. L-invażjoni kienet isseħħ kieku s-sanzjonijiet importi fl-2014 kienu daqstant ħorox bħal dawk tal-2022?

- Il-gwerra tal-2022 hija wkoll gwerra tal-innovazzjoni u t-teknoloġija. Ċertament, jekk inżidu l-effiċjenza enerġetika, niddeversifikaw is-sorsi tal-enerġija, insibu soluzzjonijiet diġitali ġodda, niżviluppaw it-teknoloġiji tal-ispazju u ntejbu l-mod kif niġġestixxu r-riżorsi naturali tagħna, eċċ., il-livell tagħna ta’ indipendenza u sigurtà kien ikun ogħla minn dak ta’ bħalissa, meta l-pajjiżi kollha qed jesperjenzaw kriżi serja.

Ir-rikonoxximent tal-importanza ta’ rispons immedjat mill-politiċi, id-diplomatiċi, il-forzi militari, il-voluntiera u s-soċjetà ċivili jpoġġina f’direzzjoni biex nirbħu l-battalja. Il-ħtieġa għall-appoġġ għadu enormi, iżda il-motivazzjoni ssir aktar b’saħħitha kull jum li jgħaddi.

Aħna, l-Ukreni, urejna li l-valuri prinċipali tagħna huma d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Qatt ma kien hemm xi proċedura rapida għas-sħubija fl-UE, iżda s-sitwazzjoni tal-Ukrajna hija eċċezzjonali, u probabbilment wasal iż-żmien li l-proċedura terġa’ tiġi evalwata.

L-Ukreni huma kompletament konxji bil-volum ta’ ħidma li jridu jwettqu biex jingħaqdu mal-UE. Is-saħħa tagħna hija l-motivazzjoni tagħna biex nibnu stat ħieles u niffurmaw sħubijiet ma’ dawk li żammew magħna fl-agħar żminijiet. U għalhekk nittamaw, b’fiduċja fil-forzi armati tagħna u l-viżjoni ta’ pajjiż prosperuż.

Nadija Afanasieva, Direttur tal-Istitut Ukren għall-Politika Internazzjonali fi Kiev, l-Ukrajna