Fit-23 ta’ Marzu, il-KESE adotta żewġ Opinjonijiet dwar l-aktar ħidma reċenti tal-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE frammentata u sottożviluppata: Att ġdid dwar il-kwotazzjoni fil-borża u rieżami tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR).

Permezz ta’ Att ġdid dwar il-kwotazzjoni fil-borża, il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv tal-proċess tal-kwotazzjoni fil-borża fuq il-kumpaniji ta’ kull daqs, b’mod partikolari l-SMEs, sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw aħjar il-finanzjament billi jiġu kkwotati fil-boroż tas-swieq pubbliċi Ewropej.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva peress li ż-żieda tal-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma u t-tnaqqis tad-dipendenza mill-finanzjament bankarju għall-kumpaniji Ewropej huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-irkupru ta’ wara l-pandemija u l-bini ta’ sistema ekonomika reżiljenti. Il-Kumitat jemmen li jekk il-kumpaniji tal-familja jinġiebu fis-swieq kapitali, dan jagħti lok biex jiġi sfruttat il-potenzjal mhux mimsus ħalli jiġi attirat il-kapital għat-tkabbir.

Ir-relatur tal-KESE Kęstutis Kupšys jispjega li “r-reġim tal-ishma bi drittijiet ta’ vot multiplu jgħin lill-familji jżommu l-kontroll, u b’hekk il-kwotazzjoni fil-borża ssir aktar attraenti għalihom. Huwa importanti wkoll li jiġi ssemplifikat il-kontenut ta’ prospett li jnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piż għall-emittenti. Madankollu, l-użu ta’ dokumenti tal-ħruġ bl-“Ingliż biss”, skont il-proposta tal-Kummissjoni, ixekkel l-iżvilupp ta’ bażi nazzjonali ta’ investiment għall-konsumatur.”

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Regolament ġdid dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) biex ittejjeb il-kapaċità ta’ kklerjar fi ħdan l-UE. Fir-rigward tal-EMIR, il-KESE kien qiegħed jistenna pożizzjoni aktar ċara dwar it-tnaqqis tal-esponiment għal kontropartijiet ċentrali tar-Renju Unit u regoli u inċentivi aktar speċifiċi biex jiġi xprunat iċ-ċaqliq lejn kontropartijiet ċentrali bbażati fl-UE wara l-Brexit.

Ir-relatur tal-KESE Florian Marin qal: “M’hemmx pjan ċar b’miżuri speċifiċi għall-ħolqien ta’ suq tal-ikklerjar kompetittiv u kkonsolidat. Jiddispjaċina li l-qafas attwali ma ġiex ivvalutat wara ħames snin, u nipproponu li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) toħroġ rapport sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar ir-raġunijiet għall-użu ta’ kontropartijiet ċentrali mhux tal-UE.” (tk)