Studenti tal-iskola postsekondarja mill-Ewropa kollha ppreżentaw proposti konkreti għal azzjoni klimatika lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans - l-eżitu ta’ Summit virtwali taż-Żgħażagħ dwar il-Klima organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fit-18-19 ta’ Marzu 2021.

“Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom vuċi b’rabta mal-ġejjieni tal-UE: mingħajr is-sejħa tagħkom għal azzjoni, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ma setax iseħħ”, qal is-Sur Timmermans huwa u jintoduċi l-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2021. “Jiena tassew impressjonat bil-fehim fil-fond tagħkom tal-problema tat-tibdil fil-klima u bil-mod kif ippreżentajtu l-proposti tagħkom lili. Dan huwa l-mod kif ngħixu - billi nifhmu lil xulxin. Huwa diffiċli ferm li tobgħod persuna li tista’ tifhem,” ikkonkluda.

Wara jumejn ta’ dibattiti virtwali mqanqla, aktar minn 234 student ta’ bejn is-16 u t-18-il sena minn 28 pajjż li ħadmu b’mod parallel f’45 kamra ta’ negozjati virtwali żviluppaw rakkomandazzjonijiet prattiċi, li wara ppreżentawhom matul sessjoni plenarja finali.

L-istudenti kellhom jassumu r-rwol ta’ grupp ta’ partijiet ikkonċernati , billi ssimulawKonferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP), u ħadmu flimkien ma’ gruppi oħrajn biex jiżviluppaw pjan li jrażżan it-tisħin globali għal livelli sikuri ta’ ferm inqas minn 1.5ºC sa tmiem is-seklu. Il-gruppi kienu jirrappreżentaw setturi u industriji mill-ħajja reali, li l-attivitajiet u l-appoġġ tagħhom jinfluwenzaw it-tisħin globali:

Il-proposti kienu jinkludu:

  • It-tħawwil ta’ siġar fil-belt u l-installazzjoni ta’ ġonna vertikali
  • “Ecological-Manhattan-Project” għall-UE, b’investiment ta’ ammonti kbar f’teknoloġiji ġodda
  • L-investiment f’aktar edukazzjoni għall-pubbliku ġenerali
  • L-implimentazzjoni ta’ politiki mfassla apposta li jirrispondu għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull pajjiż
  • L-appoġġ għat-tisġir bħala waħda mill-aktar soluzzjonijiet effiċjenti fit-tul għat-tneħħija tal-karbonju
  • L-introduzzjoni tal-idroġenu u l-bijogass filwaqt li jiġu eliminati gradwalment il-fjuwils fossili
  • It-tnaqqis tad-distakk bejn in-nazzjonijiet żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw

Il-pjan finali mfassal miż-żgħażagħ Ewropej ittraduċa f’żieda ta’ 1.4°C fit-temperatura sal-2100, u b’hekk laħaq l-għan tal-eżerċizzju, u ġie ppreżentat minn tmien studenti.

Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE inkarigat mill-komunikazzjoni, għalaq l-avveniment billi qal: “Nittama li l-esperjenza ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” tħajjarkom tkunu ċittadini attiv, għandna bżonn il-parteċipazzjoni tagħkom biex id-demokrazija tkun b’saħħitha. Il-moviment taż-żgħażagħ wera li l-bidla tista’ toriġina mit-toroq. Illum qed ngħinu lil dawk is-sejħiet għal aktar azzjoni biex jidwu mal-kurituri tal-poter”.

Aktar dettalji dwar L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2021 jinsabu fil-paġna uffiċjali tal-avveniment. (ks)