European Economic
and Social Committee
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu l-ixpruni tal-bidla fis-soċjetajiet u l-ekonomiji ta’ wara l-COVID-19
Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE
F’konferenza reċenti tal-Grupp Diversità Ewropa, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ħeġġew lill-organizzazzjonijiet tagħhom biex jgħidu lill-politiċi x’tip ta’ soċjetà jixtiequ joħolqu u jgħixu fiha.
Parteċipanti fil-konferenza dwar l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili matul u wara l-COVID-19: liema sfidi u liema futur? argumentaw li l-koeżjoni tal-politiki u l-involviment sinifikanti taċ-ċittadini huma kruċjali. Dawn appellaw għal approċċ olistiku u integrat għat-tfassil tal-politika li jippromovi b’mod attiv il-valuri tal-UE, il-benesseri tal-poplu tagħha u l-inizjattivi minn isfel għal fuq li jirrispettaw l-opinjonijiet u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE. Għal dan il-għan, se jkun kruċjali li jittieħed vantaġġ mill-forom ġodda ta’ solidarjetà u attiviżmu soċjali li tfaċċaw matul il-pandemija.
Séamus Boland, il-president tal-Grupp Diversità Ewropa, enfasizza l-involviment eċċellenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u ħeġġiġhom biex, flimkien maċ-ċittadini, jinvolvu ruħhom b’mod attiv fir-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-komunitajiet u s-soċjetajiet wara l-COVID-19.
“Issa huwa ż-żmien opportun biex nikkunsidraw mill-ġdid il-mudelli ta’ tkabbir u governanza tagħna u nibbilanċjaw il-prosperità ekonomika mal-inklużjoni soċjali, il-kapital uman, is-sostenibbiltà u l-benesseri,” qal is-Sur Boland, li stabbilixxa wkoll żewġ kundizzjonijiet għal bidla reali: “Approċċ olistiku u integrat għat-tfassil tal-politika u l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u t-twettiq tad-dinja l-ġdida.”
Il-President tal-Grupp ħeġġeġ lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jaħdmu mal-OSĊ bħala msieħba u enfasizza li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikomplu jiddefendu l-governanza demokratika, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt.
Aqra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-konferenza hawnhekk. (jk)