European Economic
and Social Committee
Kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien: Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tgħin biex iżomm ’il bogħod l-impatt ta’ dawn fuq il-ħajja u n-negozji lokali
F’Rapport ta’ Opinjoni fi Frar, il-KESE jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali għandhom jiġu mħeġġa jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt biex jaraw kif il-kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien permezz ta’ pjattaformi online qed jaffettwa l-ħajja tar-residenti u n-negozji lokali, bħal lukandi u faċilitajiet oħra ta’ ospitalità.
Ir-rapport jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-KESE dwar ir-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea dwar kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien . Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jivvalutaw perjodikament kif l-attivitajiet ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien qed ikollhom impatt, direttament jew indirettament, fuq il-potenzjal tat-turiżmu lokali, il-ħajja tar-residenti lokali, l-akkomodazzjoni disponibbli għall-kiri fit-tul, is-suq lokali tal-akkomodazzjoni, l-għoli tal-ħajja fiż-żona, l-impjiegi, it-tniġġis, ir-rispett tat-tradizzjonijiet u n-negozji lokali.
L-isplużjoni riċenti fil-kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien permezz ta’ pjattaformi online, li issa jammonta għal madwar kwart tal-akkomodazzjoni turistika kollha fl-UE, poġġiet pressjoni fuq bosta komunitajiet. Filwaqt li xi reġjuni u bliet inqas magħrufa ggwadanjaw mill-iżvilupp tat-turiżmu lokali permezz tal-kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien aktar affordabbli, destinazzjonijiet turistiċi aktar popolari qed jilħqu punt kruċjali. F’Venezja u Firenze jew Barċellona, biex insemmu wħud minn dawn, il-kompetizzjoni poġġiet lil lukandi u stabbilimenti konvenzjonali oħra f’pożizzjoni ta’ kunflitt ma’ Airbnb u pjattaformi online oħra, u l-ħajja lokali kważi nbidlet f’waħda ta’ konġestjoni.
“Dak li sibna interessanti huma l-effetti sekondarji potenzjali tar-Regolament”, qalet Marinel Dănuț Mureșan, ir-relatur tal-Opinjoni. “Għalkemm ir-Regolament innifsu huwa biss dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data dwar l-akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien fil-livell tal-UE, indirettament, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu din id-data mill-pjattaformi, nistgħu niksbu iktar riżultati sostanzjali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu għodda ewlenija għal dawk li jfasslu l-politika.”
Il-KESE ssuġġerixxa wkoll sistema ta’ poloz ta’ assigurazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-ospitanti. Dawn jistgħu jissostitwixxu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni onerużi, li r-Regolament jgħid li l-awtoritajiet lokali għandhom jevitaw li jimponuhom fuq in-negozji tal-kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien, iżda ma jgħidx kif. Dawn il-poloz tal-assigurazzjoni jkopru l-biċċa l-kbira tar-riskji li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien, u jħallu f’idejn l-assiguraturi biex jivverifikaw il-konformità tal-ospitant mar-regoli.
Proposti oħra tal-KESE biex jittejjeb ir-Regolament jinkludu proċess ta’ reġistrazzjoni semplifikat b’format uniformi madwar l-UE kollha u approċċ standardizzat għal-livell ta’ informazzjoni meħtieġ għall-attivitajiet kollha tal-kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien. (dm)