European Economic
and Social Committee
Il-gwerra fl-Ukrajna pprovditilna tfakkira brutali tal-iskop inizjali tal-ħolqien tal-UE – iż-żamma tal-paċi fit-tul fil-kontinent. Sfortunatament, irnexxielna ninsewh dal-iskop. F’ċertu punt, in-narrattiva Ewropea tal-paċi ma baqgħetx attraenti, speċjalment għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Issa, qed nitgħallmu għal darb’ oħra li, fi kliem Albert Camus, “il-paċi hija l-unika ġlieda ta’ min jiġġilidha” u li rridu nkomplu għaddejjin bl-isforzi tagħna biex inġibu bidla fejn hi meħtieġa.
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna ġabet lura l-agħar ħmar il-lejl tas-seklu għoxrin – il-gwerra fil-kontinent Ewropew. L-integrità territorjali ta’ pajjiż qed terġa’ tiġi ddubitata. Dan l-aġir iġib miegħu r-riskju ta’ karestija u ġenoċidju. L-aggressjoni Russa tmur kontra dak kollu li huwa “Ewropew” u dak kollu li huwa “demokratiku”, u l-Ewropa ma tistax u mhux se tittolleraha. Il-paċi hija l-pedament tal-Unjoni Ewropea. Din l-unjoni kienet imsejsa fuq il-poter tal-liġi mhux fuq il-liġi tal-poter.
Għaxar snin ilu, l-Unjoni Ewropea ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi bħala rikonoxximent għal aktar minn 60 sena ta’ paċi, rikonċiljazzjoni u demokrazija. L-UE għandha tkompli tkun gwardjana, u ssir saħansitra gwardjana aktar b’saħħitha, tal-paċi u d-demokrazija fuq art Ewropea u lil hinn.
L-akbar sfida għall-Ewropa issa hija l-gwerra u l-konsegwenzi tagħha – il-migrazzjoni, aktar inflazzjoni, prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u l-ħtieġa għall-militarizzazzjoni. Madankollu, għad hemm sfidi li kienu jeżistu qabel, bħall-COVID-19, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew il-bini tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Jeħtieġ li nindirizzaw dan kollu u nibqgħu ngħinu lill-ġirien tagħna – il-poplu Ukren. F’dan il-kuntest, nilqa’ l-konklużjonijiet tas-summit informali tal-UE f’Versailles, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE biex titwaqqaf immedjatament l-azzjoni militari fuq l-art tal-Ukrajna, biex jiġu protetti n-nies fl-Ukrajna u r-refuġjati tal-pajjiż u biex tissaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.
Dawn mhumiex żminijiet faċli, speċjalment peress li għadna nħossu l-għeja ta’ wara l-COVID-19 u l-lockdowns riċenti. Madankollu, jeħtieġ li nżommu l-ispirtu attwali ta’ unità. Punt wieħed għalija huwa ċert: demokrazija reżiljenti tibni s-saħħa u l-vitalità tagħha minn dak li l-Griegi jsejħu “demos” – il-poplu, kemm impjegaturi, kemm ħaddiema jew ċittadini b’ mod ġenerali! Magħqudin biss nistgħu nibnu l-futur Ewropew tagħna.
Għadna kemm sibna r-rabta emozzjonali u s-sens ta’ sjieda tal-proġett Ewropew li dan l-aħħar ilna neqsin – IL-PAĊI.
Christa Schweng
President tal-KESE