Miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi f’ċirkostanzi straordinarji għandhom dejjem ikunu strettament proporzjonati, limitati b’mod ċar fiż-żmien u sorveljati mill-qrib. Huma u jindirizzaw il-plenarja tal-KESE fit-23 ta’ Frar 2022, Christa Schweng, il-President tal-KESE u Věra Jourová, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, ħadu pożizzjoni soda.

B’referenza għall-kriżi tal-COVID-19 u l-istat ta’ emerġenza ddikjarat minn ħafna Stati Membri tal-UE biex jipproteġu s-saħħa pubblika, li rriżultaw f’restrizzjonijiet fuq diversi drittijiet u libertajiet fundamentali, is-Sinjura Schweng qalet: “Il-pandemija hija test tal-istress għas-soċjetajiet tagħna u għad-demokraziji tagħna. Mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, il-KESE ħass li kien essenzjali li s-sitwazzjoni tiġi mmonitorjata mill-qrib. Aħna smajna b’mod partikolari lill-atturi tas-soċjetà ċivili rigward il-konsegwenzi, l-isfidi u l-istrateġiji ta’ ħruġ relatati mal-kriżi. Jeħtieġ li l-UE toħroġ mill-kriżi tal-COVID-19 u ssaħħaħ il-valuri komuni tagħha.”

Is-Sinjura Jourová enfasizzat li l-pandemija tal-COVID-19 uriet bil-qawwa kemm id-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi tagħna kienu vitali għall-ħajja tagħna ta’ kuljum u kif dawn ma setgħux jittieħdu bħala fatt: “Tagħlima importanti mill-kriżi tas-saħħa kienet li l-miżuri meħtieġa għall-ġlieda kontra l-pandemija m’għandhomx jittieħdu għad-detriment tal-protezzjoni tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali. Jeħtieġ li nkunu viġilanti u niddefendu d-drittijiet fundamentali u l-valuri komuni tagħna, li għandhom ikunu ċentrali għar-rispons tagħna għall-COVID-19.”

Il-pożizzjoni tal-KESE dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt madwar l-UE u l-futur tad-demokrazija ġiet deskritta fl-Opinjoni ppreżentata mill-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt tal-KESE, abbozzata minn José Antonio Moreno Díaz u Cristian Pîrvulescu. Fid-dokument, adottat mill-plenarja, il-Kumitat jirrimarka li l-miżuri speċjali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 għandhom jibqgħu eċċezzjonali u limitati fiż-żmien, u m’għandhomx imorru kontra l-istat tad-dritt jew jipperikolaw id-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat u d-drittijiet fundamentali tal-abitanti Ewropej. (mp)