Is-soċjetà ċivili tinsab lesta li tgħin lill-UE biex tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-finanzi diġitali

Il-finanzi diġitali jeħtieġ li jiġu rregolati b’mod urġenti u l-Kummissjoni Ewropea tinsab fit-triq it-tajba biex tagħmel dan. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tat-tliet Opinjonijiet tal-KESE adottati fis-sessjoni plenarja ta’ Frar, li fihom il-Kumitat jappoġġja l-aħħar proposti tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju diġitali.

Fl-Opinjoni mfassla minn Petru Sorin Dandea u Jörg Freiherr Frank von Fürstenwerth, il-Kumitat japprova l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija finanzjarja diġitali u jenfasizza li l-isfidi ewlenin fis-settur finanzjarju tal-UE li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni għandhom jiġu indirizzati direttament. Id-diġitalizzazzjoni ġġib magħha opportunitajiet kbar iżda tippreżenta wkoll riskji li ma jistgħux jiġu injorati u jeħtieġu azzjoni rapida.

L-Opinjoni miktuba minn Giuseppe Guerini ġġorr l-istess fehma, fejn il-KESE jappoġġja ż-żewġ inizjattivi tal-Kummissjoni dwar is-swieq tal-kriptoassi u dwar reġim pilota għall-infrastruttura tas-suq ibbażat fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT). F’dan il-qasam, jinħtieġu miżuri b’mod urġenti biex jirregolaw teknoloġija li qed issir dejjem aktar mifruxa, li l-applikazzjoni prattika tagħha qed tikber u li qed tinbidel malajr u b’mod kostanti.

Fl-aħħar nett, fl-Opinjoni mfassla minn Antonio García del Riego, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA), peress li għandha l-għan li ġġib ċarezza legali għad-dispożizzjonijiet dwar ir-riskju tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), tnaqqas il-kumplessità regolatorja, tistabbilixxi sett komuni ta’ standards biex ittaffi r-riskji tal-ICT u tiffaċilita approċċ superviżorju armonizzat. Din tfittex ukoll li tipprovdi ċertezza legali u s-salvagwardji meħtieġa għad-ditti finanzjarji u l-fornituri tal-ICT. (mp)